Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn temp sħun u iżjed xott min-norma klimatika, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jkejjel 3,020 siegħa xemxija, b’seba’ xhur ikunu iżjed imdawla mill-medja. L-ogħla temperatura telgħet sa 42.7°C f’Lulju.
Mhux hekk biss, anzi t-temperaturi ogħla mill-medja mmarkaw kważi s-sena kollha. It-temperaturi għolja f’Lulju wasslu biex dan ix-xahar jitniżżel għal rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-aktar xahar sħun mill-1922 ‘l hawn, b’temperatura medja li laħqet id-29.6°C. Fl-eqqel ta’ mewġa ta’ sħana għal għaxart ijiem, il-merkurju baqa’ tiela’ sa 42.7°C, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ diversi twissijiet minħabba t-temperaturi estremi.
L-aħħar xhur tas-sena żammew mat-tendenza tal-2023 u ġabu magħhom temperaturi ogħla mill-medja, inkluż ix-xahar ta’ Diċembru li fetaħ l-istaġun tax-xitwa b’temperatura medja ta’ 15.9°C, jiġifieri 1.4°C aktar min-norma klimatika.
Frar kien l-aktar xahar kiesaħ tas-sena u l-uniku wieħed li rreġistra temperatura medja inqas min-norma klimatika. L-istess xahar ġab miegħu l-aktar ġurnata kiesħa tal-2023, meta fit-18 tax-xahar it-temperatura niżlet sa 5.3°C. Il-bqija tax-xhur ġabu magħhom temp iżjed sħun, ħlief għal Mejju u Ġunju meta t-temperaturi kienu fl-istess livelli tan-norma.
Is-sena ta’ xita – minn Settembru 2022 u Awwissu 2023 – kienet ukoll ftit iżjed imxarrba min-norma hekk kif matulha tkejlu 544.8 mm xita. Ħarsa iżjed dettaljata lejn ix-xita mkejla xahar b’xahar turina kif terz tax-xita kollha niżlet fi Frar 2023, partikolarment fid-disa’ jum, meta l-maltempata Helios waslet fuq il-gżejjer Maltin. Dakinhar, f’inqas minn 24 siegħa, l-istazzjonijiet tat-temp kejlu 116.4 mm xita. Dan għamel lil Frar wieħed mill-aktar imxarrab fuq ir-rekords talUffiċċju Meteoroloġiku.
Marzu kien fost l-aktar xhur xotti tas-sena hekk kif matulu tkejlu biss 3 mm xita, jiġifieri 36.7 mm inqas min-norma. Anke jekk April u Mejju kienu aktar imxarrba, in-nixfa ta’ Marzu wasslet biex ir-rebbiegħa tkun
aktar xotta mill-kwota. Lulju kien l-uniku xahar li ħalli l-uċuħ tar-raba’ kompletament bil-għatx.
Wara sajf niexef, il-ħarifa lanqas ma ġabet magħha t-temp li bosta jkunu qed jistennew, hekk kif l-ammont ta’ xita mkejla bejn Settembru u Ottubru kien inqas mill-kwota. L-aktar li ddiżappunta kien Ottubru li tniżżel bħala l-aktar wieħed xott fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku. Matul dan ix-xahar, tkejlu biss 0.2 mm xita, jiġifieri 77.4 mm inqas min-norma klimatika.
Dan wassal ukoll biex Ottubru baqa’ nieqes mill-maltempati bir-ragħad li normalment jimmarkaw il-bidla fit-temp. Minn total ta’ 21 maltempata bis-sajjetti tul l-2023, sebgħa minnhom laqtu l-gżejjer Maltin fl-ewwel xahar tas-sena.
Jekk l-2023 kienet nieqsa mix-xita u s-sajjetti, mhux l-istess jista’ jingħad għar-riħ li fi tmien xhur nefaħ fuq il-gżejjer Maltin b’veloċità iżjed qawwija min-norma klimatika. L-aktar xhur mirjieħa kienu April u Mejju, meta fix-xahrejn li huma, ilveloċità medja tar-riħ laħqet l-10.1 knots. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet fil-25 ta’ Novembru mill-Majjistral it-Tramuntana u laħqet it-53 knots.
//= $special ?>