Qed jiżdied it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ investiment fil-preservazzjoni tas-sbuħija naturali ta’ Għawdex, hekk kif din il-gżira qed taffaċċja sfidi ambjentali urġenti. Bl-għaqda ‘Nadur Nadif’ tinsisti li Għawdex spiċċa prattikament “minsi”.
Minkejja l-ġbir ta’ aktar minn 2,300 borża tal-iskart minn zoni f’Għawdex qalb il-kampanja, in-nuqqas ta’ sforz mill-entitajiet governattivi qed ixekkel il-progress veru f’dak li għandu x’jaqsam iż-żamma tas-sbuħija ambjentali..
L-għaqda ‘Nadur Nadif’ tefgħet dawl fuq ir-realtajiet li qed jaffaċjaw l-Għawdxin. Dan hekk kif it-telqa, sfortunatament, qed tkun dejjem aktar evidenti.
Filwaqt li kampanji bħal CleanMalta bl-użu tal-app u n-numru 1718 tal-customer care kienu ta’ suċċess f’Malta, in-nuqqas fil-promozzjoni ta’ din l-app f’Għawdex…. flimkien ma nuqqas ta’ unit għall-protezzjoni tal-ambjent…. qed jippermettu li l-illegalitajiet ambjentali jkomplu jippersistu mingħajr kontroll.
Apparti minn hekk – biex tkompli tinħoloq sitwazzjoni ta’ emerġenza – tneħħew il-bring-in sites li kien hemm fin-Nadur. Bl-attivisti jgħidu li din kienet daqqa ta’ ħarta fl-isforz usa’ sabiex jiġu stabbiliti prattiċi ambjentalment responsabbli.
U hekk kif Għawdex qed jiffaċċja dawn l-isfidi, l-għaqda ‘Nadur Nadif’ ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom fis-salvagwardja tal-wirt naturali tal-gżira Għawdxija.
Is-Sindku tan-Nadur Edward Said minn naħa tiegħu appella sabiex l-awtoritajiet jikkonsultaw, filwaqt illi insista li din il-mossa kienet biss tgħaffiġ u tkissir tas-sistema eżistenti.
//= $special ?>