Ekonomija Lokali

Konferma li qed tiżdied l-inugwaljanza ekonomika – PN

Il-fatt li f’pajjiżna qed nesperjenzaw aktar inugwaljanza fid-dħul finanzjarju u aktar nies jinsabu f’riskju ta’ faqar ikompli jikkonferma li l-politika tal-Gvern ta’ Robert Abela mhix waħda li qed tħares il-ġid komuni, iżda politika li tħares biss lejn in-numri u tkabbir ekonomiku bbażat biss fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-iskjavitù modern.

Dan intqal mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Jerome Caruana Cilia.

Dak li ġie ppubblikat mill-IMF jagħti xejra pożittiva għall-mod kif pajjiżna u l-poplu Malti rkupra mill-effetti tal-pandemija. Madankollu, dak maħruġ jagħti stampa ċara tal-inkompetenza fit-tmexxija tal-Gvern f’numru ta’ oqsma. L-istess stħarriġ jindika u jikkonferma li t-tkabbir bla rażan fil-popolazzjoni qed toħloq problemi kbar fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.

B’mod partikolari, ir-rapport jgħid li l-Gvern irid jagħmel ħafna aktar biex jiġġieled il-korruzzjoni, jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet, jippromwovi l-investiment f’enerġija nadifa u jsaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni, riċerka, u innovazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi xhur li elenka għadd ta’ fatturi li jeħtieġu jinbidlu biex ikollna ħajja aħjar f’pajjiżna, fosthom it-tnedija tal-pjan ekonomiku ta’ eċċellenza li se jkun qed iwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli li minnu jgawdi kulħadd.