Rapport li ppublika l-Awditur Ġenerali juri li is-serjetà fi ħdan Jobsplus qed tkun laxka ferm, minħabba nuqqas kbir ta’ uffiċjali u anke negliġenza.
Ir-rapport investiga speċifikament it-Taqsima tal-Konformità tal-Liġi fi ħdan Jobsplus, liema taqsima għandha r-responsabbiltà li toħroġ penali għal ksur tal-liġijiet tax-xogħol; fost l-oħrajn meta jkun hemm impjegati bla liċenzja, ħaddiema taħt l-età u meta wieħed ma jsegwix il-proċeduri amministrattivi meħtieġa.
L-Awditur Ġenerali nnota kif minkejja li l-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet – li tfisser ukoll li żdiedu l-ħaddiema – l-ammont ta’ uffiċjali baqgħu l-istess. Dan hekk kif hemm total ta’ 12-il uffiċjali f’JobsPlus, li minnhom tmienja jaraw li kull post tax-xogħol jirrispetta l-liġijiet tal-impjiegi.
JobsPlus kienet indirizza din il-kwistjoni billi qalet li għandhom biżżejjed uffiċjali għall-ammont ta’ xogħol li hawn f’pajjiżna. Iżda l-Awditur Ġenerali nnota li din kienet biss stqarrija li saret bla ma ġie provdut materjal li juri kemm dan huwa minnu.
Ir-rapport jinnota kif f’ċertu każijiet, il-ksur tal-liġijiet fuq il-post tax-xogħol jistgħu jiġu nnotati biss meta uffiċjal ta’ JobsPlus imur fil-post – u b’hekk dan in-nuqqas kbir ta’ uffiċjali mhux qed jgħin biex jeżaminaw kull sitwazzjoni kif meħtieġ.
Fl-istudju li sar mill-Awditur Ġenerali kien issuġġeriet li l-penali mhumiex biżżejjed biex jitwaqqaf l-abbuż.
Ġie kritikat ukoll il-fatt li Jobsplus tagħti għaxart ijiem ċans li wieħed jirranġa l-ksur fil-liġijiet qabel tingħata multa li tista’ titla’ għal eluf ta’ ewro. Fir-realtà, ħafna qed jirranġaw dak meħtieġ għal perjodu qasir ta’ żmien u jerġgħu jaqgħu għall-istess prattiċi fil-ġimgħat u x-xhur ta’ wara – meta jafu li mhuma se jeħlu l-ebda multa.
//= $special ?>