“Il-Kumitat JURI huwa responsabbli għat-tneħħija tal-immunità tal-MEPs akkużati b’aġir ħażin,” spjega l-MEP David Casa. “Jekk Muscat jaħseb li jista’ jinħeba wara l-immunità parlamentari, jien inkun l-ewwel wieħed biex niżgura li l-proċess biex inneħħuhielu ma jdumx, jekk ikun hemm bżonn anke billi insir membru tal-istess kumitat jekk niġi elett mill-ġdid.”
Casa kien qed jirreaġixxi għat-tħassib dwar l-eks prim ministru disgrazzjat Joseph Muscat li jista’ jkun qed ifittex li juża l-kandidatura għall-Parlament Ewropew biex jikseb l-immunità mill-prosekuzzjoni ta’ reati li huwa taħt investigazzjoni dwarhom.
“L-akbar ostaklu għall-ġustizzja jekk Muscat jiddeċiedi li joħroġ u jiġi elett mhux se tkun l-immunità parlamentari, li mhix għodda biex tiksir il-liġi,” sostna Casa. “L-akbar theddida se tibqa’ ġejja mill-istituzzjonijiet maħkuma u s-sistema ineffettiva tal-infurzar tal-liġi li għadha tipproteġi lill-korrotti.
“Dan huwa l-istatus quo li Muscat irid jipperpetwa billi jhedded li jerġa’ jidħol fil-politika, li jibqa’ jitfa’ pressjoni fuq il-Gvern, ħalli jkompli jipproteġi lilu u jiċħad il-ġustizzja lill-poplu Malti u Għawdxi.
“Fis-seba’ sena minn mindu qatlu lil Daphne Caruana Galizia, l-istat għadu ma rnexxielux jiżgura ġustizzja għal każ wieħed li hu wieħed ta’ aġir illegali fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi.
“Minflok, f’mossa surreali, Joseph Muscat iħossu komdu biżżejjed biex sfaċċatament jipprova jaħsel ir-reputazzjoni imbiċċra tiegħu meta dan postu hu fil-ħabs.”
Casa nnota li Joseph Muscat mhux biss ġie maħtur l-aktar persuna korrotta tas-sena, iżda jibqa’ eżempju rari ta’ politiku li ġie msejjaħ jirriżenja u affaċċja bosta kundanni ħarxa mill-Parlament Ewropew, anke bl-appoġġ tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi, il-partit tiegħu stess.
“Lanqas il-Polonja u l-Ungerija ma kellhom gvernijiet akkużati li ħolqu klima li għamlet possibbli l-qtil ta’ ġurnalist,” innota Casa. “Joseph Muscat għandu d-diżunur li ġie kkundannat minn dan il-Parlament u m’iniex se nħallih jipprova jaħsel ir-reputazzjoni tiegħu u jfixkel il-ġustizzja b’mod daqshekk sfaċċat.”
//= $special ?>