Somalu ta’ 36 sena li kellu problema akuta ta’ droga u li kien ġie kkundannat 19-il xahar priġunerija effettiva u multa ta’ 1,500 ewro fuq droga mill-Qorti tal-Maġistrati kellu s-sentenza tiegħu mibdula fl-appell fejn is-sentenza ta’ ħabs ġiet sospiżi u l-multa tnaqqset għal 500 ewro.
L-Imħallef Edwina Grima qieset it-trasformazzjoni kbira li huwa għamel f’ħajtu u għalhekk piena effettiva ta’ ħabs mhijiex l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi. Il-Qorti tal-Appell qalet li Ahmed Qadar Abuukar Ahmed residenti tas-Sliema għandu storja ta’ abbuż ta’ droga u dana bħala riżultat ta’ diversi problemi personali li għadda minnhom tul ħajtu.
Madanakollu, jidher illi Ahmed finalment għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju tat-tossikodipendenza u kkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ riabilitazzjoni. Il-Qorti għarfet il-fatt li huwa qed jistinka sabiex jgħin finanzjarjament lill-familja tiegħu ġewwa s-Somalja kif ukoll jidher li għandu residenza u impjieg fiss, għalkemm mhux regolariżżat.
Irriżulta ukoll li qed jerġa’ juri nteress li jilgħab il-futbol u li jkompli l-edukazzjoni tiegħu kif ukoll jinsab f’relazzjoni stabbli. Għalhekk komplet tgħid l-Imħallef Grima huwa llum l-appellant qed jaħdem u jimpenja ruħu bi sħiħ sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu.
Il-Qorti qalet li tqis ukoll illi fid-dawl tan-natura tal-akkużi li dwarhom instab ħati, sentenza ta’ priġunerija sospiża hija l-piena l-aktar xierqa. Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati s-Somalu kien ammetta li fid-19 ta’ Settembru 2021 kien fil-pussess ta’ 24 gramma raża tal-cannabis u kokaina f’ammont żgħir f’żona frekwentata miż-żgħażagħ. Ahmed kien ammetta li nstab fil-pussess tal-pjanta tal-cannabis u r-reżina tal-kannabis li ma kinitx għall-użu personali, u li sar reċidiv.
L-Ewel Qorti qalet liu setgħu ġew prodotti xi 118-il joint mill-ammont ta’ raża tal-kannabis li nstabet fil-pussess tal-akkużat. Il-Maġistrat Galea Sciberras ordnat li minbarra sentenza ta’ ħabs u multa, l-akkużat kellu jħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-qorti, li jammontaw għal 1,030 ewro.
Wara li semgħet ix-xhieda tal-Probation Officer Sarah Bezzina, mogħtija minnha nhar l-10 ta’
Ġunju 2022, il-Qorti laqgħat it-talba tas-Somalu u konsegwentement wara li assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga, irreferiet lill-istess appellant quddiem il-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu
bid-Droga. Il-konklużjoni tal-Bord kien li l-każ tal-appellant ingħalaq b’suċċess.
Il-Qorti fid-deċiżjoni qalet li qed tirrevoka s-sentenza fil-parti fejn ikkundannat lill-appellant għall-perijodu ta’ 19-il xahar priġunerija effettivi u minflok tikkundannah għall-perijodu ta’ sitt xhur priġunerija, sospiżi għal żmien sentejn.
Kienet revokata wkoll il-parti fejn ikkundannat lis-Somalu iħallas il-multa ta’ €1,500 u minflok tikkundannah għal ħlas ta’ multa €500. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-parti tas-sentenza fejn kien ordnat sabiex iħallas lir-Reġistratur tal-Qorti l-ispejjez fl-ammont ta’ €992.98 konnessi mal-ħatra ta’ l-esperti fil-proċeduri.


