Raġel residenti San Pawl il-Baħar wieġeb mhux ħati li l-Ħadd filgħaxija aggredixxa klijent fis-sakra f’ħanut tal-kebab fl-istess lokalità li ħalla lir-raġel l-ieħor fil-kura intensiva. Fawzi Khalifa, ċittadin Eġizzjan ta’ 20 sena, tressaq il-Qorti aktar quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, akkużat li kkawża ferita gravi lil raġel Ukren u li kiser il-paċi pubblika.
Id-difiża qed issostni li l-vittma kien mar il-ħanut waqt li kien mejjet fis-sakra u kien insista li jibqa’ fil-ħanut wara li ntalab jitlaq minn Khalifa, li huwa iben sid il-ħanut. Fl-argument li nqala’ ftit wara, l-imputat ta daqqa ta’ ponn lir-raġel fis-sakra, li sussegwentement waqa’ mal-art.
Fil-Qorti ntqal li aktar tard ir-raġel Ukren kien instab li kellu livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ 307 mg/dl. Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza u għadu f’qagħda kritika, taħt kura intensiva. L-avukati ta’ Khalifa qed jargumentaw li l-ġrieħi tar-raġel kienu, tal-inqas parzjalment, riżultat tal-waqgħa tiegħu għax kien fis-sakra. Fil-fatt huwa mifhum li l-Ukren mad-daqqa tfixkel f’ċint bl-impatt ikun qawwi u għalhekk spiċċa ferut gravament.
Khalifa wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-libertà proviżorja ġiet stabbilita għal €3,000, li kellhom jiġu depożitati fl-atti qabel ma jiġi meħlus. L-imputat ġie ordnat jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum u ma jersaqx lejn il-vittma.
L-Ispettur tal-Pulizija Bernard Charles Spiteri qed imexxi l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukati Maria Meilaq Schembri u Claire Sammut mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Alfred Abela u Rene Darmanin qed jassistu lil Khalifa.
//= $special ?>

