Lokali Qorti

Multa ta’ €3,000 u skwalifika tal-liċenzja għal sena wara li baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati

Żagħżugħ ta’ 25 sena residenti Ħaż-Żabbar kien immultat €3,000 u kellu l-liċenzja tas-sewqan skwalifikata għal sena wara li nżamm responsabbli talli baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati wara li tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq.

Hu kien tressaq mill-Ispettur Roderick Spiteri nstab ħati li fis-6 ta’ Novembru 2020, għall-ħabta tas-2pm fi Triq Wied il-Għajn f’Ħaż-Żabbar, saq mingħajr polza tas-sigurtà u mingħajr liċenzja. Huwa kien ġie mixli wkoll li kkaġuna ħsara f’żewġ karozzi, b’waħda minnhom dik li wettaq ħsara fuq Mercedes ma jinstabx ħati fuqha minħabba nuqqas ta’ provi.

Minn dak li ħareġ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace rriżulta li l-akkużat kien qed isuq Toyota Starlet meta tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’Mitsubishi Colt u Mercedes Benz. Fortunatament ħadd ma weġġa’ fl-inċident.

Mad-daqqa l-karozza misjuqa mill-akkużat spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq fil-karreġġjata opposta, il-Mitsubishi spiċċat fuq il-bankina mdaħħla f’parapett u l-Mercedes ukoll spiċċat fuq il-bankina. Mal-multa ta’ €3,000 hu kien skwalifikat mill-liċenzja tas-sewqan għal sena u tnaqqsulu tmien punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.