Fi ftit jiem oħra t-toroq tal-irħula Maltin se jkunu qed jimtlew kollha kuluri u briju hekk kif se jkun qed jirritorna l-Karnival f’diversi lokalitajiet madwdar pajjiżna.
Bla dubju ta’ xejn li wieħed mill-ikbar karnival li jsir huwa fit-toroq tal-Ħamrun fejn għexieren ta’ persuni mistiedna jiċċelebraw il-bidu tal-Karnival f’din il-lokalità fl-4 ta’ Frar. Hemm stennija kbira għall-parata tradizzjonali li tifforma minn ħames baned differenti fost sensiela ta’ karrijiet.
L-attivitajiet, li se jkunu qed isiru fi Triq San Ġużepp, se jibdew fl-10 am u jibqgħu sejrin sa tard waranofsinhar, bil-Ħamrun li se jinbidel f’villaġġ karnivalesk. Apparti dan, il-Karnival se jasal ukoll fil-Marsa u anke fiż-Żurrieq, fost lokalitajiet oħra. Sakemm dawn l-attivitajiet se jwasslu għall-attivitajiet ewlenin fil-Furjana u l-Belt Valletta, bil-Gran Finale jintlaħaq fit-13 ta’ Frar.
Matul dan iż-żmien, wieħed ma jistax jinsa d-dedikazzjoni u l-kontribuzzjoni li Pawlu Curmi, magħruf bħala Il-Pampalun, ta matul ħajtu kollha għal dan iż-żmien li tant kien iħobb. Huwa kien miet f’Novembru li għadda fl-età ta’ 92 sena. Biex titfakkar il-memorja tiegħu se tkun qed tittella’ esebizzjoni fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta.
Din l-esebizzjoni fost programm ma jaqta’ xejn fil-Belt Valletta li jvarja minn spettaklu teatrali, kompetizzjonijiet taż-żfin u ma jistax jonqos il-karrijiet tradizzjonali li jduru mat-toroq tal-belt kapitali. Attivitajiet magħrufa għall-kuluri u l-briju, iżda bla dubju ta’ xejn li huma attivitajiet li jgħaqqdu lill-kommunitajiet flimkien.
//= $special ?>