Lokali Qorti

Sentenza sospiża u kumpens fuq vjolenza domestika fil-konfront ta’ l-eks sieħba tiegħu

Sirjan ta’ 47 sena, residenti San Pawl il-Baħar ġie kundannat 21 xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin u ordnat jagħti kumpens ta’ €1,772.00 lill-eks sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Ukrena fuq każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tagħha.

Il-Maġistrat Rachel Montebello fis-sentenza tagħha qalet li l-mara kienet f’pożizzjoni vulnerabbli għaliex meta Aldarwish Majed ltaqa’ magħha kienet għadha kif ġiet tgħix Malta u kienet waħedha mingħajr ħbieb jew familjari f’pajjiż ġdid, u wkoll mingħajr impieg.

L-imġieba tiegħu fil-konfront tagħha m’hi xejn għajr esplojtazzjoni viljakka, qalet il-Qorti li kompliet tgħid li tali mġieba abbużiva bħal din tistħoqq li tiġi penalizzata b’mod effettiv għaliex hija minaċċa għal
min fis-soċjeta’ jkun jinsab f’pożizzjoni dgħajfa.

“Għalhekk, il-Qorti filwaqt li mhux se timponi piena karċerarja effettiva, tqis li l-piena għandha tirrifletti s-severità tal-abbuż imwettaq fuq il-vittma kif ukoll isservi bħala deterrent,” qalet il-Maġistrat Rachel Montebello.

Il-vittma xehdet illi hija kienet f’relazzjoni mal-imputat, liema relazzjoni bdiet f’Mejju 2020 u damet madwar sitt xhur. Fis-7 ta’ Novembru 2020 hi marret tieħu xi affarijiet personali tagħha mir-residenza tal-imputat wara li kien qed jibagħtilha messaġġi biex tmur tiġborhom għaliex inkella kien ser jarmihomlha.

Ċaħdet li rrelazzjoni tagħhom intemmet dakinhar u li l-imputat keċċiha minn daru, u ċaħdet ukoll li kienet reġgħet daħlet f’relazzjoni mal-imputat. Iddikjarat illi dak iż-żmien kienet qaltlu ripetutament li ma tridx tkun f’relazzjoni miegħu u kienet qed tipprova tevitah.

Meta marret tiġbor ħwejjiġha fis-7 ta’ Novembru 2020 wara li emmnet li finalment kien aċċetta li ma riditx ikollha x’taqsam iktar miegħu u li kien se jhħalliha bi kwietha. Madankollu, meta marret, l-imputat beda jgħajjarha, jobżqilha u mbottaha fit-taraġ u hi qabdet u telqet mingħajr ma ħadet il-baskett bl-affarijiet tagħha.

Spjegat illi matul ir-relazzjoni tagħhom l-imputat ma kienx iħalliha toħroġ taħdem u kien iġġieled magħha meta kienet qaltlu li kienet sabet xogħol u kellha intervista. Qalet li ma setgħet tagħmel xejn għaliex kienet waħedha Malta u ma lellha lil ħadd jgħinha.

Theddid bil-mossi lejha

Xehdet ukoll li bejn is-7 ta’ Novembru 2020 u d-29 ta’ Diċembru 2020 l-imputat kien ipprova jċempillha diversi drabi minn numri differenti. Darba minnhom, f’dan il-perijodu, meta kienet fil-karozza flimkien ma’ ħabiba tagħha, l-imputat beda jsegwihom u ratu jagħmel mossa qiesu qed jaqta’ għonqu b’subajgħ u dan waqt li kien qed iħares lejha.

Kien ċempel ukoll lit-tifel tal-ħabiba tagħha u qallu li kien se joqtolha, b’riferenza għaliha, anke jekk ikollu jmur il-ħabs. Dakinhar għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Xehdet ukoll illi nnotat lill-imputat isegwiha bil-karozza fi tliet okkażjonijiet separati: darba meta marret f’ristorant Ħal Balzan ma l-ħabiba tagħha, darb’oħra meta marret iġġorr ħwejjiġha mill-appartament tagħha biex tqatta’ ftit ġranet għand il-ħabiba tagħha, kif ukoll meta marret toqgħod f’lukanda għal ftit ġimgħat f’Diċembru 2020.

Qalet ukoll li fid-29 ta’ Diċembru 2020, l-imputat qalilha li kien applika għan-nom tagħha biex jinħarġilha visa biex taħdem Malta. Fil-perjodu qabel għamlet ir-rapport mal-Pulizija fid-29 ta’ Diċembru 2020, kienet tinnota lill-imputat isegwiha b’karozza Ford u kien qed isegwiha l-ħin kollu anke meta kienet tkun miexja fit-triq kif ukoll iċempel u jibgħatilha messaġġi kontinwament.

Hi kienet tinjora t-telefonati u l-messaġġi tiegħu u ma kienetx qed tweġibhom. Imbagħad, għall-ħabta ta’ Jannar 2021 reġgħet bdiet tkellem lill-imputat għaliex irrejalizzat li ma kienx ser iħalliha bi kwietha. Innegat illi reġgħet bdiet relazzjoni ntima miegħu u fissret li ma setgħetx tagħmel dan wara dak li kien għamlilha u kienet qiegħda tkellmu biss biex tagħti l-impressjoni li m’hemmx problemi bejniethom anke
għaliex dalwaqt kellhom jidhru quddiem il-Qorti fuq ir-rapport li kienet għamlet lill-Pulizija f’Novembru 2020.

Xehdet ukoll illi dak iż-żmien marret toqgħod f’lukanda għal ftit jiem waqt li kienet qed tistenna biex l-appartament li kienet kriet, jitlesta. L-imputat, li sadanittant kien irċieva t-taħrika għall-qorti in konnessjoni mar-rapport li kienet għamlet fis-7 ta’ Novembru 2020, sabha fil-lukanda u kien ħallas għall-ispejjeż
tal-lukanda iżda ċaħdet illi kien qed joqgħod magħha.

Qalet li marret toqgħod fl-appartament ġdid f’San Ġwann għall-ħabta ta’ Frar 2021 u kkonfermat li kien l-imputat li kien ħallas id-depożitu għall-kiri ta’ dan l-appartament – iżda l-kera dejjem ħallsitha hi. Kien ukoll ikkonvinċiha li kien iddispjaċih u ried jiskuża ruħu għall-mod kif kien ittrattaha u mhux għaliex kienu f’relazzjoni intima.

Fil-fatt ċaħdet b’mod speċifiku li kienet tibagħtlu messaġġi intimi f’dan il-perijodu inkluż messaġġi fejn qaltlu li tħobbu u nnegat ukoll li kienu marru jieklu l-Mellieħa għal Jum San Valentinu u sostniet li
kienu marru jieklu l-Mellieħa fis-sajf ta’ qabel meta kienu f’relazzjoni.

Lejl jistenniha barra
Xehdet illi dak iż-żmien l-imputat kien qed iċempillha u jibagħtilha wkoll ħafna messaġġi minn numri differenti iżda hi ma weġbitux u mblokkat in-numri li kien qed juża biex jipprova jikkomunika magħha. Darba minnhom stenna lejl sħiħ barra l-appartament tagħha f’San Ġwann.

L-għada filgħodu, 23 ta’ Marzu 2021 meta ġiet biex toħrog biex tmur tagħmel rapport lill-Pulizija, għall-ħabta tal-11.00 a.m., sabet lill-imputat wara l-bieb u imbottaha ‘l ġewwa u beda jgħajjat u jżommha minn
għonqha u minn xagħarha.

Meta qaltlu li kienet se ċċempel lill-Pulizija, ġibidha għal ġol-kamra tas-sodda bil-forza u beda jheddidha li jekk ma kienetx se taqbel ma’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tħallsu lura s-somma ta’ €10,000, se jeħodilha l-passaport sakemm tħallsu iżda hi rrifjutat li tiffirma dikjarazzjoni bħal dik u biex tipprova tikkalmah, bdiet tgħidlu li m’għandhiex flus, lanqas flus biex tixtri ikel u ilma għaliha nnifisha.

Ħadilha wkoll il-mobile tal-għamla iPhone 11 Pro Max li kien xtralha hu stess bħala rigal, u kissrilha wkoll mobile ieħor tal-għamla iPhone 6 u dan billi tefagħhom mal-art. Kissrilha wkoll par nuċċali tax-xemx tad-ditta Rayban b’idejh u par airpods li wkoll kien xtrahomlha hu stess.

Hi pprovat iżżomm kalma biex forsi jitlaq mill-appartament tagħha u tkun tista’ tagħmel rapport lill-Pulizija. L-imputat imbagħad qalilha biex jirranġaw u jibdew ir-relazzjoni mill-ġdid u kien lest jerġa’ jixtrilha kollox ġdid.

Theddid meta qaltlu daqshekk

Dejjem jekk hi tirtira r-rapport li kienet għamlet lill-Pulizija fis-7 ta’ Novembru 2020 meta marret tiġbor ħwejjiġha mir-residenza tiegħu wara li ħassret ir-relazzjoni, fejn l-imputat kien heddidha u għajjarha. Iżda meta qaltlu li ma riditx tkun iktar f’relazzjoni miegħu u ma tridx ikollha x’taqsam iktar miegħu, l-imputat
irvella u beda jerġa’ jheddidha biex tħallsu flusu lura.

Tant hu hekk, dam f-lappartament tagħha sas-6.00 p.m. u wara marret tirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija. L-għada, l-imputat ħallilha xi ikel barra l-bieb tal-appartament tagħha. Iddikjarat illi xtaqet ħafna li l-imputat iħalliha bi kwietha u fissret illi minħabba din l-imġieba tal-imputat u l-fatt li ġiet Malta waħedha u ma kellha lil ħadd biex jipproteġiha, kienet tħoss ħafna biża’ u kienet tibża’ wkoll toħroġ minn darha tant illi
kienet titlob lil sħabha jakkumpanjawha.

Ikkonfermat ukoll li darba minnhom għall-ħabta tas-sajf meta kienu għadhom f’relazzjoni, l-imputat kien bagħat xi flus, ċirka €500 lill-familja tagħha ġewwa l-Ukraina iżda insistiet li hi qatt ma talbitu biex jagħmel dan.

Il-ħabiba tagħha kkonfermat ħafna minn dak li qalet il-vittma meta kienet fl-preżenza tagħha. Fix-xhieda tagħha kkonfermat illi l-vittma kienet marret toqgħod magħha għall-ħabta ta’ Novembru 2020 u dak iż-żmien kienet innotat lill-imputat isuq warajhom u kkonfermat li l-imputat jaf x’karozza issuq u jaf anke fejn toqgħod.

Spjegat ukoll illi l-għada tal-inċident li kien seħħ f’Marzu 2021, il-vittma marret b’taxi għandha d-dar, il-Qawra, fejn dehret li kienet imwerwra u qaltilha x’kien ġara. Urietha l-fdalijiet tat-telefon ċellulari tagħha u ta’ oġġetti oħrajn fosthom nuċċali tax-xemx u iPhone ieħor.

Kienu sabu wkoll illi fuq Facebook kien hemm paġni foloz f’isem il-vittma u bir-ritratti privati tagħha. Qaltilha wkoll li membri tal-familja ta’ l-Ukrena ġewwa l-Ukraina kienu qed jirċievu messaġġi b’ritratti tagħha li kienet bagħtet lill-imputat hi stess.

Il-vittma qaltilha wkoll dakinhar illi l-imputat kien qed jistenniha barra l-bieb tad-dar tagħha u għamel ħoss ta’ qattus u meta fetħet il-bieb biex tara kienx hemm qattus, qabadha minn għonqha u imbottaha ‘l ġewwa flappartament tagħha u beda jheddidha li kellha tikteb li għandha tagħtih ammont ta’ flus.

L-imputat innega ħafna minn dak li qalet l-Ukrena

Is-Sirjan, fl-istqarrija li kien irrilaxxa lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu fit-28 ta’ Marzu 20218 qal illi kien mar jieħu kafe’ ma’ l-eks sieħba tiegħu meta ġiet Malta mill-Polonja u minn hemmhekk bdew relazzjoni u peress li ma kienetx taħdem, wara xaharejn kien beda jħallsilha kollox, kera, dawl, ilma, u kull
ġimgħa kien jagħtiha l-flus biex tħallas għal xagħarha, dwiefer u makeup u kien bagħat ukoll flus lil ommha u lil missierha fl-Ukraina.

Għamlet xi żmien toqgħod miegħu fl-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Wara sitt xhur li kienu ilhom
flimkien, fis-7 ta’ Novembru 2020, iġġieldu u marret tiġbor ħwejjiġha mid-dar tiegħu u mbagħad bagħtu għalih il-Pulizija.

Meta mbagħad kriet appartament ieħor ġewwa San Ġiljan, kien ħallas id-depożitu kif ukoll il-kera sa Marzu 2021. L-imputat xehed illi kien bagħat is-somma ta’ €500 lil ommha u missierha fl-Ukraina
u mbagħad qalulu li l-eks sieħba kienet qed titkellem ma’ xi ħaddieħor u wasal għall-konklużjoni li hija kienet qed tużah minħabba l-flus biex jixtrilha u jħallsilha l-affarijiet.

Wara ġimgħa, qalilha li għandu bżonn il-flus tiegħu, ċirka €4,000 u qaltlu li ma kellhiex flus iżda kif tibda taħdem, sejra tħallsu lura kollox. Hu kien jaf li dak iż-żmien kienet qed titkellem ma’ xi ħadd u beda jċempillha u jgħidilha li għandu bżonn il-flus tiegħu u kienet qaltlu li lanqas m’għandha x’tiekol.

Għalhekk kien mar jixtrilha l-ikel u sigaretti u mar iħabbtilha fuq il-bieb iżda ma fetħitx u ħalla l-ikel wara l-bieb tagħha. Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, l-imputat kien qal li nhar it-Tlieta, 23 ta’ Marzu 2021,
huwa kien mar iħabbat il-bieb tal-appartament tagħha f’San Ġwann biex jitlob għal flusu għaliex kien ċemplilha iżda ma bdietx twieġbu.

Kien bagħtilha wkoll messaġġi li għandu bżonn jieħu flusu lura u wkoll ma weġbitux. Qal li kien jaf li
l-eks sieħba tiegħu kienet ġewwa għaliex semagħha titkellem ma’ mara oħra u minn barra l-bieb kien qalilha “isma’ ma rridx problemi, għandi bżonn il-flus tiegħi” iżda ċaħad li kien għajjarha.

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti l-imputat xehed: “darb’oħra mort id-dar u bdejt inħabitlha u mhux qed tiftaħli l-bieb bdejt nitkellem minn wara l-bieb għax smajtha hi ġewwa titkellem ma’ xi ħadd – il-ħabiba tagħha bil-lingwa tagħhom u għedtilha ‘iftaħ il-bieb għala ma tiftaħlix għax għandi bżonn il-flus tiegħi
minnek u baqgħet ma fetħitx u jien … Għedtilha fuck you bitch’”

Iżda ċaħad li kien daħal fid-dar tagħha bil-forza u li kissrilha żewġ mobile phones, par airpods u nuċċali tax-xemx, u sostna li dawn l-oġġetti kollha għajr għal mobile wieħed, kien xtrahomlha hu stess. Innega wkoll li kien talabha tiffirma dikjarazzjoni dwar il-flus li kellha tħallsu lura u li talabha tħallsu s-somma ta’ €10,000.

Iżda stqarr illi kien qalilha li l-flus huma tiegħu u jridhom għaliex ma kienux għadhom f’relazzjoni flimkien.
L-imputat ċaħad ukoll li kien reġa’ mar id-dar tagħha wara dakinhar u insista li ma kienx reġa’ ċempillha. Iżda waqt l-interrogazzjoni stqarr illi ġurnata wara li mar iħabbtilha fit-23 ta’ Marzu 2021, kien ħallielha ikel u sigaretti wara l-bieb tagħha u aċċetta wkoll li kien mar għandha wkoll l-għada, il-Ħamis.

Ikkonferma li s-somma totali li jrid li tħallsu lura hija ta’ €4,800 li tinkludi ssomma ta’ €500 li bagħat lil ommha u l-flus li taha biex tħallas għal affarijiet personali, iżda mhux qed jippretendi li tħallsu wkoll il-kera li kien ħallas għall-appartamenti li kienet tikri f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra meta kienu f’relazzjoni,
iżda biss il-kera u d-depożitu li ħallas għall-appartament ġewwa San Ġwann.

L-imputat ċaħad li huwa hedded lill-eks sieħba li se joqtolha u li jeħodilha l-passaport u sostna li kien kellimha b’mod normali meta talab għal flusu. Fost diversi kunsiderazzjonijiet li għamlet il-Qorti qalet li huwa ppruvat ukoll illi l-imputat mexa b’kondotta li kkaġunat biża’ fil-konfront tal-Ukrena kif ukoll fastidju f’iktar minn okkażjoni waħda.

Dan meta bagħat diversi messaġġi u ċempel lill-eks sieħba tiegħu minn numri differenti – peress li kien diġa’ mblokkat in-numru tal-mobile tiegħu u mblokkat ukoll diversi numri oħrajn li kien qed jipprova jikkuntattjaha minnhom, meta stenna barra r-residenza tagħha bejn it-22 ta’ Marzu 2021 u t-23 ta’ Marzu 2021 sakemm ħarġet filgħodu.

Dan ukoll meta daħal bil-forza fir-residenza tagħha hekk kif fetħet il-bieb u meta reġa’ mar wara l-bieb tagħha l-għada, allegatament biex iħallilha l-ikel. Għalkemm tassew il-Prosekuzzjoni ma ressqitx prova konsistenti fi screenshots jew kopja stampata tal-messaġġi jew estrazzjoni tad-data mill-mobile ta’ xi waħda mill-partijiet, wieħed irid jiftakar li l-imputat ammetta hu stess fl-istqarrija illi l-Ukrena ma bdietx
tirrispondi t-telefonati tiegħu u lanqas il-messaġġi li kien qed jibagħtilha.

Barra dan il-fatt illi hu stabbilit mill-provi illi l-imputat kisser iż-żewġ iPhones tagħha u għalhekk jeżisti raġuni valida l-għala din il-prova ma tressqitx. Il-Qorti qalet li kif diġa’ ġie stabbilit qabel, temmen il-verżjoni tal-allegata vittna u ma tqisx illi l-verżjoni tal-imputat li ċaħad li daħal bil-forza fir-residenza tagħha u li ma kienx kisser l-oġġetti msemmija għaliex kien xtrahomlha hu stess, għandha mis-sewwa.

Għaldaqstant hi sodisfatta li huwa ppruvat kif imiss illi l-imputat daħal fl-appartament kontra r-rieda tagħha meta fetħet il-bieb biex toħroġ, u kissrilha loġġetti li kien xtralha, multo magis meta tqis li dan kollu seħħ meta l-imputat, kif ġie mistqarr minnu stess, ħass li hi kienet użatu għall-flus, kienet qed titkellem ma’ xi ħaddieħor u ma radditlux lura l-flus li kien ħallasha.

Ġie sottomess mid-difiża illi l-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq l-aħjar prova tal-allegat ħsara, ċioe’ l-fdalijiet tal-mobile phones u l-oġġetti l-oħra li allegatament ġew imkissrin mill-imputat. Għalkemm tassew il-liġi tesiġi li tinġieb il-prova l-aktar sħiħa u sodisfaċenti illi l-każ ikun jagħti, u li ma jitħalla barra ebda xhud li x-xiehda tiegħu tkun importanti, din ir-regola li m’hijiex assoluta.

U ma jfissirx fil-każ tar-reat ta’ ħsara volontarja, li għandu bil-fors jiġi esebit l-oġġett imħassar għall-prova fil-grad meħtieġ għas-sejbin ta’ ħtija kriminali. Għall-fini tal-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fedina penali kompletament netta tal-imputat iżda wkoll il-fatt illi evidentement, mhux kapaċi jirrikonoxxi illi
għalkemm jista’ jkun minnu li l-vittma għandha tagħtih, dan ma jfissirx li għandu dritt jagħtiha fastidju u jintimidaha.

Minbarra s-sentenza sospiża u l-kumpens il-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-ħati għall-protezzjoni tas-sigurta’ tal-Ukrena għal żmien tliet snin. Dan għandu jiġi komunikat lill-Kummissarju tal-Pulizija, li għandu jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiżgura l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ tali ordni, inkluż l-użu ta’ mezzi elettroniċi, skont il-kaz. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.