L-organizzaturi u champions tal-Asja l-Qatar komplew bil-mixja tagħhom meta għelbu lill-Palestina 2-1 biex għaddew għall-kwartifinali.
Minkejja r-rebħa l-Qatar kellhom jitħabtu u ħadu ħasda meta l-Palestina, li żgur ma kienux favoriti, marru fil-vantaġġ. Kien Dabbagh li fetaħ l-iskor fis-37 minuta iżda fis-sitt minuta
ta’ ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Al Haydos kiseb il-goal tad-draw.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Qatar skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta ngħataw penalty li minnu Afif ma żbaljax.
Il-Ġordan ukoll għaddew mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 3-2 kontra l-Iraq.
Naimat fetaħ l-iskor għall-Ġordan fl-ewwel taqsima u Natiq kiseb id-draw fit-68 minuta.
L-Iraq marru minn fuq fis-76 permezz ta’ Hussein li dabbar ukoll it-tieni karta safra u kien imkeċċi.
Fil-ħin miżjud il-Ġordan dawwru r-riżultat b’żewġ goals ta’ Al Arab fil-95 minuta u ta’ Al Rashdan fis-97 minuta.
Riżultati
Iraq v Ġordan 2-3
Qatar v Palestina 2-1
Illum
Użbekistan v Tajlandja
Arabja Sawdija v Korea t’Isfel