Lokali

TIKBER IL-QASMA INTERNA: Il-Kap Eżekuttiv tal-Labour mhu juri ebda entużjażmu għar-ritorn ta’ Joseph Muscat

Minkejja l-iskandli numerużi, u minkejja l-każi li hemm pendenti fil-Qorti, Robert Abela spiċċa ċeda għall-predeċessur tiegħu. U dan, ħoloq paniku sħiħ fil-Partit Laburista – kif ammetta Joseph Muscat innifsu nhar il-Ġimgħa.

Net News jista’ jikkonferma li l-paniku infiltra sew fil-kurituri tac-Centru Nazzjonali Laburista, tant li pubblikament anke l-Kap Eżekuttiv tal-Labour wera dan b’mod mill-aktar evidenti meta lbieraħ kien mistoqsi mit-Times għar-reazzjoni tiegħu. Fejn deher ċar li mhu entużjażmat xejn għar-ritorn ta’ Joseph Muscat fil-Partit Laburista.

Fl-2019, fl-eqqel tal-kriżi politika, is-CEO tal-Labour kien qal ċar u tond li l-partit għandu jwarrab lill-kriminali.

Intant, bħad-deputat Laburista Randolph Debattista, kien hemm oħrajn li ma kienux cari fit-tweġibiet tagħhom meta ġew affaċjati mill-ġurnalisti barra l-Parlament. B’uħud mill-Ministri jinsistu li qabel jeħtieġ issir “diskussjoni”.

B’kuntrast, hemm ħafna oħrajn li kellhom ibaxxu rashom għall-klikka ta’ Joseph Muscat. Tant li qed jgħidu li l-kandidatura tiegħu hi aħbar pożittiva

Fl-aħħar jiem, anke Saviour Balzan kiteb dwar dawn l-iżviluppi inkwetanti. U stqarr illi r-ritorn ta’ Joseph Muscat fix-xena fetaħ bieb perikoluż; bieb li ċertament idgħajjef il-kredibbiltà ta’ Robert Abela. U ladarba Muscat verament jikkandida għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikun sinjal ċar li l-amministrazzjoni ta’ Abela tkun falliet.