Lokali Parlament

Tonio Fenech xejjen il-mistoqsijiet kollha tal-gvern dwar l-enerġija fil-PAC


L-ex Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech xejjen il-mistoqsijiet kollha li għamlulu l-erba’ membri tal-Gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar id-deċiżjonijiet li kien ħa Gvern Nazzonalista fis-settur tal-enerġija qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Fil-fatt hu wieġeb għall-mistoqsijiet kollha li għamlulu l-erba’ membri tal-gvern fil-PAC.


L-ex Ministru Fenech kien imsejjaħ biex jixhed fil-PAC li qed jiddiskuti l-power station tal-Electrogas iżda l-membri tal-gvern m’għamlu l-ebda mistoqsija dwar din il-power station, propju għaliex din kienet proġett tal-Gvern Laburista u Tonio Fenech ma kien involut xejn fiha. Is-sessjoni tal-lum kienet it-tieni sessjoni li Tonio Fenech kien imsejjaħ mill-membri tal-gvern biex jixhed fil-PAC dwar l-Electrogas.


Quddiem din is-sitwazzjoni, il-membri tal-gvern staqsew lil Tonio Fenech dwar id-deċiżjoijiet tal-Gvern Nazzjonalista fl-enerġija qabel l-2013 fi żmien il-kriżi taż-żejt. L-ex Ministru Nazzjonlista tal-Finanzi wieġeb il-mistoqsijiet kollha tad-deputati Laburisti u kien disponibbi li jkun mistoqsi fuq kollox.


Tonio Fenech qal li quddiem il-kriżi internazzjonalment taż-żejt Gvern Nazzjonalista kien naqqas l-income tax minkejja li żdiedu l-kontijiet. Il-loġika kienet li min jikkonsma l-enerġija jrid iħallas għaliha billi jkun hemm tnaqqis fl-income tax.


Hu qal li l-prezzijiet taż-żjet kienu għolja propju għaliex l-Enemalta kienet qed tixtri ż-żejt bl-għoli. Minkejja din il-kriżi, il-qagħad kien baqa’ baxx u l-ekonomija mxiet ‘il quddiem. Ma’ dan, Gvern Nazzjonalista kien għen lin-negozji ż-żgħar biex iħaddmu iktar nies magħhom.


L-ex Ministru Tonio Fenech qal li dment li l-gvern kien jagħti garanzija lill-Enemalta, din setgħet tidħol għall-investiment meħtieġ. Hu sostna li l-gvern Laburista ta garanzija anki lill-Electrogas u kompla li llum l-enerġija hi sussidjata u xorta qed tiswa lill-pajjiż. Dan qed tgħidu l-IMF propju llum stess meta sostniet li l-gvern ma jistax jibqa’ jissussidja l-enerġija.


Hu semma’ l-kriżijiet li ffaċċja Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 fosthom dik finanzjarja, tal-banek, tal-Libja u taż-żejt u qal li l-Gvern Nazzjonalista kien ta għajnuna anki lill-industrija biex ma jintilfux impjiegi.


Tonio Fenech qal li l-Gvern Nazzjonalista dejjem kien qed jippajna li l-pajjiż imur għall-gass u għalhekk il-power station tal-BWSC saret b’mod li titħaddem bil-gass. Gvern Laburista kien konxju li l-pajjiż ma kellux infrastruttura għall-gass tant li kien tpoġġa t-tanker tal-gass f’Marsaxlokk għall-ħażna tal-gass.


L-ex Ministru tal-Finanzi ta dettalji ta’ kif Gvern Nazzjonalista kien salva l-ST Microelectronics fil-kriżi taż-żejt. Hu qal li, b’dak li sar f’dan l-iskandlu, il-proġett tal-power station tal-Electrogas hi l-‘pantomima ta’ Alice in Wonderland’. Tonio Fenech qal li l-konsulenti tal-Enemalta DMV Kima kien taw konsulenza lill-PL iżda mhux magħruf kif dan sar u jekk dan sarx b’xejn.


Hu spjega li, wara l-elezzjoni tal-2013, il-Gvern Laburista kien raħħas il-kontijiet meta l-power station ma kinitx għadha lesta. Dan kien seħħ fuq deċiżjoni tal-gvern stess billi tefa’ iktar telf fuq l-Enemalta. L-implikazzjoni kienet li l-PL diġà kellu affarijiet li kienu diġà kienu miftiehma qabel l-elezzjoni tal-2013, spjega Tonio Fenech, li insista li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx għadda l-piżijiet kollha taż-żejt lill-konsumaturi.


Tonio Fenech sostna li Gvern Nazzjonalista kien jgħaddi €50 miljun f’sussidju lill-Enemalta waqt li llum il-Gvern Laburista jgħaddilha €300 miljun iżda mhux stabbilit ir-raġuni wara din iż-żieda għaliex il-kontijiet ma raħsux b’dawn l-ammonti. “Jien kburi bis-servizz li tajt lill-pajjiż”, sostna Tonio Fenech.