Lokali

Tragward fil-komunikazzjoni kwantistika: Malta fil-quċċata tat-teknoloġiji kwantistiċi fl-Ewropa

Melita u Merqury javvanzaw il-kollaborazzjoni tagħhom fuq prodotti ta' sigurtà pionieri li se joffru livelli mingħajr preċedent ta' sigurtà.

Melita Limited ħabbret l-użu b’suċċess ta’ kriptaġġ kwantistiku b’użu ta’ tagħmir li jinsab ġewwa ż-żewġ ċentri tad-dejta tagħha. L-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta u rarament misjub barra l-laboratorji. Dan l-avveniment jimmarka avvanz sinifikanti fl-iżvilupp ta’ netwerk nazzjonali tal- komunikazzjoni kwantistika li se jipprovdi livell ta’ ċibersigurtà li għadu ma ntlaħaqx.

Melita Limited qed tappoġġja lil Merqury Cybersecurity Limited fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji kwantistiċi għal kriptografija sigura u distribuzzjoni ta’ ċwievet kriptografiċi, minn kommunikazzjoni kwantistika li toffri metodu sigur għall-iskambju ta’ ċwievet kriptografiċi għal kriptografija sigura kwantistika li tipprovdi reżiljenza kontra l-hacking u l-ispijunaġġ. Dan l-iżvilupp huwa parti mill-proġett innovattiv PRISM (Sigurtà Fiżika għall-Infrastruttura Pubblika f’Malta), ko-finanzjat mill-UE, qed jippjana li jimplimenta komunikazzjoni sigura kwantistika fuq netwerks tat-telekomunikazzjoni ordinarji, għall-ewwel darba fl-UE. Din se tiggarantixxi s-sigurtà tad-dejta kontra theddid ċibernetiku kurrenti u dak futur.

Il-Prof. André Xuereb, fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Merqury Cybersecurity Limited, spjega, “Il-kriptaġġ standard użat illum jiddependi fuq il-matematika biex jikkripta u jiddikripta d-dejta. Id-dejta kriptata tista’ tiġi kkuppjata minn attakkanti u ddeċifrata jekk ikollhom kompjuters b’saħħithom biżżejjed, jew jekk il-metodu tal-kriptaġġ ikun dgħajjef. Il-kriptografija kwantistika tiżgura li d-dejta tista’ tiġi ddeċifrata biss minn partijiet li jaqsmu ċ-ċwievet kwantistiċi. Barra minn hekk, id-dejta ma tistax tiġi kkuppjata jew moqrija minn hacker mingħajr ma dan jiġi nnutat.”

Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita Limited, qal, “Aħna ferħanin li ksibna tragward ieħor fil-vjaġġ lejn it-tisħiħ tas-sigurtà ċibernetika. Il-kriptografija kwantistika tirrappreżenta l-futur tat-trasmissjoni tad-dejta sigura, u aħna kburin li urejna l-potenzjal tagħha fuq l-infrastruttura tagħna.”

Bħala parti mix-xogħol tagħha f’PRISM, Melita qed tipprovdi netwerk ta’ diversi konnessjonijiet għat-trasmissjoni ta’ dejta kriptata kwantistikament fuq in-netwerk tal-fibra tagħha, madwar Malta u eventwalment lejn Sqallija permezz tal-kejbil taħt il-baħar ta’ Melita. Din l-infrastruttura se tkompli sservi bħala bażi ta’ test kruċjali għall-validazzjoni tal-effettività tas-servizzi tas-sigurtà u tal-kriptaġġ kwantistiku fi ħdan netwerk funzjonali tat-telekomunikazzjoni, bl-użu ta’ soluzzjonijiet iddisinjati minn Merqury.

Wara d-dimostrazzjoni ta’ suċċess ta’ illum, hija skedata wirja pubblika għall-31 ta’ Jannar li se tinkludi dimostrazzjoni ta’ din it-teknoloġija bejn żewġ siti fl-Università ta’ Malta.

PRISM (Sigurtà Fiżika għall-Infrastruttura Pubblika f’Malta) huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Ftehim tal-Grant tal-Programm Ewropa Diġitali.