Lokali

Hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku biex dan ikun ibbażat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità – PN

Hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku, li għandu jkun ibbażat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità, kif għamlu fil-passat Gvernijiet Nazzjonalisti, li ħolqu setturi ekonomiċi ġodda li tant kienu meħtieġa. Għax hu ovvju li l-mudell ekonomiku li qed jinsisti fuqu l-Gvern Laburista – ibbażat fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità – qed iwassal għal żieda fl-inugwaljanza tad-dħul finanzjarju u żieda fir-rata tal-faqar.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini u mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, f’għeluq l-ewwel xahar minn mindu daħlu fis-seħħ il-miżuri tal-Budget għal din is-sena li ħabbar il-Gvern.

Ix-Shadow Ministers qalu li, naturalment hu importanti li l-impjegat jingħata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu li din iż-żieda qed tkun ta’ piż fuq min iħaddem, li mbagħad jgħaddih lill-konsumatur b’żieda fil-prezzijiet Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jagħti tax credits li jagħmlu tajjeb għall-piż tal-COLA fuq min iħaddem.

Huma fakkru kif din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista għandha l-appoġġ tal-imsieħba soċjali kollha kontra din it-taxxa inġusta, li qed tinsteraq minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin. Li kieku l-Gvern sema’ mill-proposta tal-Partit Nazzjonalista, dan ix-xahar biss, il-ħaddiema kien jibqagħlhom €4.1 miljun aktar fil-bwiet.

Ix-Shadow Ministers fakkru wkoll fi proposti oħrajn tal-Partit Nazzjonalista, li wkoll għandhom l-appoġġ tal-imsieħba soċjali wara l-konsultazzjoni serja li saret magħhom, fosthom il-ħolqien ta’ Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.