“Il-bidwi Malti għandhom bżonn aktar appoġġ biex jipproduċi ikel għall-familji Maltin u nserrħu rasna li jkollna food security”
Il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, saħaq din l-istqarrija fid-dawl li bħalissa eluf ta’ bdiewa u raħħala qed jagħlqu t-toroq u l-bliet madwar l-Unjoni Ewropea kollha, bi protesta għal-liġijiet ġodda marbuta mal-agrikoltura fil-livell tal-Unjoni. Peter Agius saħaq li għalkemm f’Malta il-bdiewa għadhom ma bdewx b’dawn il-protesti, huma għandhom kull raġuni biex jipprotestaw hekk kif is-sitwazzjoni f’Malta hija saħansitra agħar milli f’pajjiżi oħra tal-UE.
Agius spjega erba’ punti prinċipali li jiddeskrivu fuq fuq għalfejn is-sitwazzjoni għall-bidwi Malti hija waħda inkwetanti. L-ewwel u qabel kollox, il-liġijiet proposti ser ikunu qed inaqqsu l-ammont ta’ bexx disponibbli. Dan se jsarraf fi problemi kbar għall-agrikoltura Maltija, hekk kif bħalissa f’Malta jasal biss kwart tal-bexx li jasal f’pajjiżi oħra, u dan jasal bi prezz doppju. Bla dubju ta’ xejn dan ifisser spejjeż żejda kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumatur Malti li jagħmel ħiltu u jixtri prodotti lokali.
Barra minn hekk, Agius spjega wkoll kif filwaqt li f’pajjiżi oħra l-bdiewa u r-raħħala qed jipprotestaw għax naqqsulhom is-sussidju fuq id-Diesel, iżda tali sussidju lanqas qatt ma kien introdott f’Malta, u dan għal darb’ oħra għad-detriment tal-bdiewa. Min-naħa l-oħra, filwaqt li bil-liġijiet il-ġodda ser ikollu jitnaqqas l-użu tal-fertilisers, f’Malta diġà hawn sitwazzjoni fejn il-bidwi ġie sfurzat inaqqas l-użu tagħhom minħabba li l-prezzijiet għolew bla rażan f’dawn l-aħħar snin, u ħadd ma nvesta biex nipproduċuh lokalment. Fl-aħaħr nett, Agius fakkar li filwaqt li fi Spanja qed jipprotestaw għax il-prodotti mill-Marokk ħadu 30% tas-suq, f’Malta il-prodott impurtat diġà ħa 75% tas-suq lokali.
Filwaqt li wera l-appoġġ tiegħu għall-bdiewa Maltin, u l-importanza li dawn ikollhom serħan il-moħħ li se jkunu jistgħu ikomplu bix-xogħol essenzjali tagħhom, Dr Agius saħaq li huwa ser ikompli jagħmel ħiltu biex jara bidla konkreta, li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet partikolari tal-bidwi Malti. “Jeħtieġ li Malta tqum fuq saqajha, biex tiżgura li l-prodott Malti u x-xogħol tal-bdiewa Maltin ma jintesiex. Wasal iż-żmien li l-bidwi Malti u kull min irid ikollu food security ġo pajjiżna isemma leħnu b’aktar saħħa”, tenna Agius.
//= $special ?>