Lokali

Il-Gvern għandu jfassal pjan strateġiku ħolistiku għall-ambjent u l-iżvilupp dwar Ħondoq ir-Rummien – PN

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Membri tal-Partit Nazzjonalista sostnew il-pożizzjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Saqħu dan il-Membri fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp Stanley Zammit u Rebekah Borg hekk kif sostnew li f’konsistenza mal-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista, li l-medda ta’ art ta’ Ħondoq ir-Rummien tinbidel f’park nazzjonali u wara snin jaħdem biex din il-medda ta’ art tkun tal-poplu kollu, f’dan il-Kumitat Parlamentari kienu ppreżentati numru ta’ proposti biex dan iseħħ b’mod trasparenti, b’mod sħiħ u b’Governanza tajba.

Wara li l-Gvern ilu 11-il sena jirrepeti l-gidba li l-Pjanijiet Lokali ma jistgħux jinbiddlu, Robert Abela giddeb lill-Gvern tiegħu stess u ta raġun lill-Partit Nazzjonalista, li ilu jinsisti li l-Pjanijiet Lokali mhux biss jistgħu jinbidlu, iżda li, fejn meħtieġ u wara proċess serju ta’ pjanar, dawn għandhom jinbidlu.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li kien pożittiv li, wara li l-Qrati ta’ Malta kkonfermaw li bil-Pjanijiet Lokali eżistenti ma jistax isir żvilupp fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, l-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar tħarket u bdiet il-proċess ta’ reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Għawdex.

Il-Membri tal-Partit Nazzjonalista enfasizzaw dwar l-importanza li din ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna ma tkunx bil-biċċiet iżda waħda sħiħa. Bħala eżempju, staqsew jekk jagħmilx aktar sens jekk qabel ma jintefa’ aktar traffiku fil-bajjiet popolari għall-għawm tax-Xlendi u Marsalforn b’dan it-tibdil parzjali, isir studju dwar dan.

Huma enfassizzaw ukoll li kull tibdil għandu jkun kemm jista’ jkun ċar, mhux biss bħal x’tip ta’ faċilitajiet jistgħu ikunu żviluppati, iżda anke fejn. Għalhekk ġie propost li jerġa’ jkun ikkunsidrat mill-ġdid li ma jsir l-ebda tip ta’ żvilupp fil-parti tal-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, li għadha mhix mittiefsa u li din titneħħa mill-pjanta li turi li fiha jista’ jsir żvilupp, anke jekk l-iżvilupp ikun limitatament.

Biex il-pjanti jkunu kemm jista’ jkun ċari, intalab li dawn juru b’mod ċar il-partijiet li għandhom jitħallew liberi kompletament għall-aċċess sħiħ tal-pubbliku ġenerali.

Hekk fil-prattika u bi trasparenza sħiħa ikun qed jiġi applikat il-kunċett ta’ dominju pubbliku li jissalvagwardja siti ambjentali u ta’ patrimonju sinifikanti bħal dan minn minn kummerċjalizzazzjoni eċċessiva u minn qerda ambjentali.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jfassal pjan strateġiku ħolistiku għall-ambjent u l-iżvilupp. Hi ħasra li l-Gvern għadu lanqas biss iffinalizza l-istudju dwar kemm u x’tip ta’ żvilupp jiflaħ pajjiżna, il-‘Carrying Capacity Study’. Sfortunatament, fin-nuqqas ta’ dan, il-Gvern ikompli jilgħab bir-riskju li biex isib soluzzjoni f’post, joħloq problemi f’post ieħor.

Gvern ġdid Nazzjonalista jipproteġi z-zoni meqjusin barra miz-zona ta’ zvilupp (ODZ) biż-żewġ terzi fil-Parlament, kif ukoll iżid 50,000 metru kwadru kull sena ta’ art pubblika ma dawn iz-zoni.

Il-pjan li qed isawwar il-Partit Nazzjonalista għal Għawdex u għal Malta, anke permezz ta’ djalogu kontinwu man-nies, għandu jwassal biex pajjiżna jibda jippjana l-ambjent u biex l-ambjent ma jibqax biss dak li jkun fadal wara l-iżvilupp. Dan wassal għal żvilupp li jkun sostenibbli u li jħares l-ambjenti fejn aħna ngħixu, naħdmu u nistrieħu, tkun assigurata ħajja aħjar f’pajjiżna u jitħares l-ambjent li hu dritt fundamentali tagħna.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg.