Lokali Parlament

Il-gvern ma ħax azzjoni effettiva biex jorħsu l-prezzijiet


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-parlament li l-gvern ma ħax azzjoni effettiva biex jorħsu l-prezzijiet.


Albert Buttigieg qal li l-prezzijiet tal-ikel għolew tant li l-gvern ħabbar skema tal-prezzijiet biex jorħsu. Hu sostna li l-gvern għażel ir-triq faċli bla ma ħa l-iktar azzjoni effettiva.


Dan sostnewh ukoll l-imsieħba soċjali li qalu li din hi skema artifiċijali li ma ssolvix il-problema tal-inflazzjoni. Huma qalu wkol li mhx veru li l-prodotti se jorħsu għax hemm minnhom li diġà huma irħas. Il-PN qal li hu jaqbel ma kull traħħis fil-prezzijiet iżda enfażizza l-importanza ta’ pjan ħolisitiku.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-loġistika hi waħda mill-problemi f’dan is-settur propju minħabba l-ispejjeż tal-importazzjoni. Għalhekk il-gvern missu waqqaf fond biex jgħin lill-importaturi fil-loġistika kif ippropona l-PN.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern seta’ kkunsidra proposta ta’ ftehim ġenwin mal-importaturi u s-sidien tal-ħwienet għaliex fil-fatt il-gvern impona din l-iskema u ma ddjalogax. Il-gvern kellu jiftiehem fuq basket ta’ prodotti tal-ikel ma’ tal-ħwienet.


L-iskema kellha tkun mibnija fuq dawn il-prodotti magħżula u maqbula. Kemm il-Caritas kif ukoll il-GWU diġà identifikaw dan il-basket ta’ prodotti bażiċi.


Hu sostna li minn hemm, il-gvern kellu jidħol fi ftehim dwar kemm għandhom jinbiegħu l-prodotti biex il-prezzijiet jibqgħu stabbili. Jekk tul ix-xhur ikun hemm żirda fil-prodotti, il-gvern jagħmel tajjeb għal din id-differenza permezz tal-fond li kien ippropona l-PN.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li din setgħet tkun skema tajba għal kulħadd u sostna li din il-proposta tevita wkol lżidiet oħra fil-prezzijiet tal-prodotti.


Hu kompla li din il-proposta tiswa flus lill-gvern iżda l-gvern qed jisparpalja miljuni ta’ ewros f’konsulenzi u għalhekk għandu jsib flus għal din l-iskema. Il-gvern għandu jisma’ u jwettaq din il-proposta, appella d-deputat Nazzjonalista.