Lokali Parlament

Il-gvern mhux jindirizza l-problema li l-aqwa imħuħ qed jitilqu mill-pajjiż


Ivan Castillo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fl-Aġġornament tal-parlament li l-gvern mhux jindirizza l-problema li l-aqwa imħuħ qed jitilqu mill-pajjiż.


Ivan Castillo qal li kwistjonijiet pertinenti qed ikunu trattati biss mill-Oppożizzjoni fosthom dik tal-għoli tal-ħajja. L-Oppożizzjoni qed toħroġ bil-proposti f’dan ir-rigward, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-iskema tal-gvern li biha se jorħsu xi prodotti qed issir fil-kuntest tal-gwerra diġà eżistenti fit-tnaqqis tal-prezzijiet.


Hu tkellem dwar id-djar u qal li hawn żgħażagħ li ma jaffordjawx jixtru d-djar tagħhom jew ikollhom it-tfal, tant li hawn l-inqas rata ta’ twelid. Dan filwaqt li 70 fil-mija taż-żgħażagħ iridu jitilqu mill-pajjiż iżda l-gvern ma jressaq l-ebda leġiżlazzjoni dwar dan.


Il-ħaddiema Maltin qed jiġi mgħakksa u mhux jinstemgħu fejn lanqas il-unions m’huma jinstemgħu. Hemm żewġ uffiċji biss li qed jinnegozjaw f’isem il-gvern fis-settur pubbliku u fl-entitajiet kollha tal-gvern. Dan qed iwassal biex il-unions idumu perjodi twal biex jibdew jiddiskuti bil-konsegwenza li l-unions qed jirrikorru għall-istrajkijiet.


Dan hu l-prezz ta’ nuqqas ta’ investiment fl-Industrial Relations Unit li fiha hemm biss żewġ uffiċjali, sostna d-deputat Nazzonalsta, li appella lill-gvern biex jindirizza l-problemi ta’ veru li hawn fil-pajjiż għaliex il-pajjiż qed jitlef l-aqwa imħuħ mill-pajjiż. Hu qal li eżempju ieħor hu dak tal-probations unit li għandha ammont ta’ xogħol kbir li qatt ma kellha qabel.