Lokali Qorti

IL-KAWŻA TAL-ISPTARIJIET: Il-Qorti tiddeplora “it-ton intimidanti u feroċi” minn naħa tal-Avukat tal-Istat

L-Imħallef Giovanni Grixti warrab għal kollox il-manuvri li provaw isiru mill-Gvern u mill-Avukat tal-Istat sabiex hu ma jirrekużax ruħu mill-kawża l-ġdida li kien fetaħ il-PN dwar id-deal tal-isptarijiet. Bil-Qorti tikkundanna t-ton intimidanti li uża l-Avukat tal-Istat fil-konfront tal-istess Imħallef.

F’deċiżjoni li ingħatat illum, Giovanni Grixti ikkonferma li se jżomm mar-rekuża. Dan ifisser li l-kawża issa trid tgħaddi għand Imħallef ieħor.

Grixti kien ċar ħafna fi kliemu, meta qal li l-Avukat tal-Istat – fl-argumenti tiegħu – żamm mal-Gvern. Dan filwaqt li ikkundanna t-ton li uża l-istess Avukat tal-Istat meta riedu jibqa’ jisma’ l-kawża.

“Kif jgħid il-Malti, l-eżempju ikaxkar, u ċertament ma kienx hemm ħtieġa ta’ diskors feroċi f’rikors bħal dan għar-revoka ta’ digriet”, stqarr l-Imħallef Grixti.

Il-ftehim dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward kien ġie kkundannat mill-Qorti għal darba darbtejn; l-ewwel mill-Imħallef Francesco Depasquele u wara mill-Qorti tal-Appell fejn is-sentenza fissret ċar u tond li mhux biss il-poplu nsteraq iżda li l-Gvern kien kompliċi f’din is-serqa.

U wara li l-Gvern baqa’ ċass, il-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża oħra fil-Qrati Maltin sabiex l-Avukat tal-Istat Chris Soler ikollu l-awtonomija neċessarja ħalli jkun jista’ jwettaq ix-xogħol li huwa obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu. Dan għaliex meta Soler kien mistoqsi għalfejn għadu ma bediex jieħu l-passi neċessarji dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward, huwa stqarr li hu jisma’ biss mill-ordni ta’ Prim Ministru.

Din l-aħħar kawża infetħet mill-Kap tal-PN Bernard Grech u mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia.

Edward Debono huwa l-avukat li qed jassisti lill-PN.