Il-Ministru tal-Ġustizzja Johnatan Attard ġġustifika l-allegazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela meta fl-aħħar ġranet qal li qed tinkiser il-liġi għaliex l-inkjesta dwar l-isptarijiet ma kinitx konkluża fi żmien 60 ġurnata.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li fil-parlament staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja biex bħala l-ministru responsabbli, jwieġeb jekk jikkonfermax li l-Prim Ministru ma kienx qal il-verità meta allega li qed tinkiser il-liġi għaliex l-inkjesta dwar l-isptarijiet ma ngħalqitx fi żmien 60 ġurnata. Hu qal li fil-fatt hemm numru kbir ta’ inkjesti li għadhom miftuħa wara 60 ġurnata.
Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru tal-Ġustizzja għażel li, flok iwieġeb dwar l-allegazzjoni tal-Prim Ministru Abela, jattakka lill-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-Ministru Johnatan Attard qal li t-terminu ta’ inkjesta hu dak li qal il-Prim Ministru.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ukoll staqsa ill-Ministru tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjonijiet riċenti tal-Prim Ministru u kkummenta li meta inkjesta ma titlestiex fi żmien 60 ġurnata l-Maġistrat irid jinforma lill-Avukat Ġenerali u mhux jitlob permess. Għalhekk m’hemm ebda ksur tal-liġi.
Il-Prim Ministru kien għalhekk gideb meta kkummenta mal-ġurnalisti u allega li l-Maġistrat Inkwerenti fl-inkjesta dwar l-isptarijiet qed tikser il-liġi għax damet iktar minn 60 ġurnata, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li mhux ġust u aċċettabbli li inkjesta ddum erba’ snin u nofs; lanqas mal-persuni li jkunu qed jiġu investigati.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lill-Mnistru tal-Ġustizzja dwar deċiżjoni li aktar kmieni llum kien ħa l-Imħallef Giovanni Grixti meta ikkundanna r-risposta tal-gvern u tal-Avukat tal-Istat fil-mod kif ippreżentaw l-argumenti tagħhom dar ir-rikuża tiegħu fil-kawża tal-PN dwar l-iskandlu tal-isptarijiet.
L-Imħallef Giovanni Grixti llum ta deċiżjoni li fiha kkonferma li se jibqa’ mal-pożizzjoni li kien ħa dwar ir-rikuża tiegħu mill-kawża li l-PN fetaħ dwar l-iskandlu tal-isptarjiet. L-Imħallef Grixti kkundanna t-ton intimidatorju użat mill-Avukat tal-Istat fil-konfront tiegħu.
L-Imħallef Giovanni Grixti ikkonferma li se jżomm il-pożizzjoni tiegħu favur ir-rekuża minn din il-kawża.
Dwar dan, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li kienet l-Oppożizzjoni li attakkat lill-Ministru Grixti. Hu qal li f’dan il-każ, il-Gvern u l-Avukat tal-Istat insistew li l-proċeduri jsiru skont il-liġi.