Lokali

Il-Qorti tordna lill-Film Commission biex tgħid kemm tħallas David Walliams sentejn ilu

Il-Kummissjoni tal-Films trid tgħid kemm tħallas il-komiku Brittaniku David Walliams biex ippreżenta l-Malta Film Awards ta’ sentejn ilu. Dan saħqitu l-Qorti hekk kif wara sentejn sħaħ, il-poplu Malti u Għawdxi għadu ma jafx kemm il-Gvern ħallas il-Walliams minn but iċ-ċittadini.

Dan il-ġudizzju huwa konferma ta’ deċiżjonijiet meħuda mit-tribunal tad-Data Protection u mill-Kummissarju tal-Informazzjoni u d-data protection.

Ħaddiema u esperti fil-qasam sostnew li l-awards marru ‘l fuq mill-budget suppost allokat għalihom hekk kif minflok nefqu €400,000….jidher li l-ammont imberbaq, qabeż sew il-miljun u tlett mitt elf ewro.

Madanakollu d-dettalji ta’ kif intefqu u x’intefaq qatt ma ġew magħmula pubbliċi – tant li meta l-ġurnal Times of Malta talab lill-Kummissjoni biex jiżvelaw kemm nefqu…dawn ċaħdu din it-talba.

L-istess meta kienu ġew mitluba jikxfu kemm tħallas Walliams….bil-Kummissjoni tal-Films tgħid li ma setgħetx tagħmel dan minħabba obbligazzjonijiet legali.

Madanakollu wara li l-Kummissarju għad-Data Protection iddeċieda favur li jkun magħruf kemm tħallas, l-Kummissjoni tal-Films waslet l-argument tagħha quddiem il-Qorti Ċivili…biex issa l-Imħallef Wenzu Mintoff xejjen l-appell tal-Kummissjoni u ordna biex tiżvela l-informazzjoni.

Din mhux l-ewwel darba li l-Kummissjoni għall-Films….u l-Kummissarju nnifsu, Johann Grech, spiċċaw fl-aħbarijiet għal raġunijiet xejn pjaċevoli.

Fost l-oħrajn meta l-paġna tal-media soċjali kienet hacked xhur ilu – paġna li għadha hacked s’issa….kif ukoll dwar il-fatt li biex jinġibdu l-films Malta….il-Gvern s’issa ħareġ xejn inqas minn €143 miljun.

Bl-NAO preżentament qed tinvestiga n-nefqa eżorbitanti tal-Malta Film Commission.