Karol Aquilina, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna fil-parlament li s-sistema tal-ġurija għandha tinżamm iżda jeħtieġ preparazzjoni lill-ġurati.
Karol Aquilina qal li s-sistema ta’ kif jingħażlu l-ġurati għandha tkun imsaħħa u sostna li r-rikorsi tal-persuni li ma jkunux jistgħu jservu bħala ġurati u jkunu qed jitolbu li jkunu eżentati għandhom isiru mingħajr il-ħtieġa li l-persuni jmorru l-qorti. Dawn it-talbiet għandhom isiru b’sottmissjoni online. Hu qal li hu importanti li n-nies ma jaħarbux minn din ir-responsabbli u sostna li din is-sitema ta’ ġurati ħadmet minkejja li mhijiex perfetta.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-preparazzjoni li tingħata lill-ġurati u spjega kif ma tingħata l-ebda preparazzjoni ħlief fl-ewwel seduta tal-kawża, l-Imħallef jispjega kif jaħdem ġuri.
Hu appella biex fl-iskejjel sekondarji tingħata informazzjoni dwar is-sistema tal-ġurati. Ikun hemm min jieħdu din is-sistema biċ-ċajt, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li fil-verità hemm piż kbir meta l-ġurati jiġu biex jddeċiedu jekk il-persuna akkużata hijiex ħatja jew le.
Il-pajjiż għandu jgħożż is-sistema tal-ġurati, sostna Karol Aquilina li tkellem ukoll dar il-preskrizzjoni u qal li jeħtieġ li dan l-element ma jwettaqx inġustizzja flok ġustizzja. Jeħtieġ li jerġa’ jkun hemm kunsiderazzjoni dwar il-persuni vulnerabbli u dawk li jabbużaw mill-minorenni fil-kuntest tal-preskrizzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-appell dejjem hu biex dawk li għandhom informazzjoni jitkellmu iżda l-preskrizzjoni m’għandhiex tkun barriera biex in-nies ma jitkellmux. Jeżistu ċirkostanzi li fihom persuni li jkunu għaddew minn abbużi jkunu jridu jitkellmu iżda joqgħodu lura minħabba li għadda ħafna żmien, sostna d-deputat Nazzjonalista.