Graziella Attard Previ, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-parlament li l-pulizija, is-social workers u dawk kollha li jkollhom kuntatt mat-tfal għandhom jingħataw l-għodda possibbli biex iwettqu d-doveri tagħhom quddiem l-abbużi fuq it-tfal.
Graziella Attard Previ qalet li diffiċli tifhem l-abbuż tat-tfal kemm fiżiku kif ukoll emozzjonali għaliex dan iħalli effetti negattivi ħafna fuq it-tfal.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li hu importanti li l-minuri jiġu mismugħa u jingħataw attenzjoni waqt li l-każi tagħhom ikunu segwiti.
Hi kompliet li t-tfal għandhom ikunu protetti anki meta dawn ikunu qed jagħtu xhieda fil-qrati u m’għandhomx jitressqu fil-qrati mixlija b’dak li jkun fil-fatt twettaq fuqhom. Għandha tingħata l-protezzjoni meħtieġa lill-minuri meta dawn jixhdu l-verità fil-qrati dwar dak li jkunu għaddew minnhom.
Kull min jabbuża mill-minuri għandu jingħata pieni ħorox għaliex ħadd m’għandu jħassar il-ħajja tat-tfal.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan ikun ċirku vizzjuż li jista’ jwassal biex il-vittmi jsiru persuni li jabbużaw. Jeħtieġ li l-abbuż jieqaf fis-soċjetà u għandha issir ħidma ikbar biex din issir realtà.
L-abbuż m’għandu jintefa’ qatt taħt it-tapit, sostniet id-deputat Nazzjonalsta, li kompliet li minkejja li l-abbuż għadu tabu, it-tfal fl-iskejjel qed ikunu mħeġġa biex jirrapportaw minnufih kull abbuż għaliex dan qatt ma jista’ jkun aċċettat bħala normalità; anki jekk l-abbuż ikun ġej mill-familjari jew mill-ħbieb.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li t-tfal illum jgħixu mat-tekonoloġija u għahekk din hi theddida reali ħafna. Jeħtieġ li t-tfal ikunu salvagwardjati minn din il-forma ta’ abbuż.
Hi tkellmet dwar it-traffikar tal-bniedem għal skopijiet ta’ sess u qalet li t-tfal huma l-aktar kategorija vulnerabbli u għalhekk ikunu l-aktar fil-periklu.
Il-massage parlours huma l-postijiet fejn hemm lok fejn ikunu traffikati n-nies, inkluż minuri. F’Malta hawn numru kbir ta’ massage parlours iżda hemm ukoll nuqqas kbir ta’ regolamentazzjoni; għalhekk hemm il-possibbiltà li jkun hemm traffikar ta’ nies u persuni minuri.
Il-gvern għandu jirregolarizza dan is-settur kummerċjali b’mod immedjat. Il-protezzjoni tat-tfal għandha tkun iktar ħolistika, appellat id-deputat Nazzjonalista, li nsistiet biex dawk li jwettqu abbużi fuq it-tfal ikunu kastigati.