Graziella Galea, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea appellat fl-Aġġornament tal-parlament biex isir pjan biex tissolva l-problema tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u l-madwar.
Hi sostniet li l-problema tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u l-madwar qed titfaċċa prattikament kull ġimgħa. Għalhekk jeħtieġ li jitfassal pjan biex din il-problema tissolva. Jekk dan il-pjan ma jitfassalx u jibda jitwettaq mill-aktar fis, se nispiċċaw bi problemi ikbar, sostniet id-deputat Nazzjonalista.
Graziella Galea qalet li fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Bahar u l-Imġarr hu maħsub li jsir xogħol biex il-bdiewa jkollhom ilma għat-tisqija tal-prodotti agrikoli; il-proġett tan-new water.
Parti mill-proġett tlestiet u l-bdiewa qed jużaw dan l-ilma imma l-parti tal-proġett li tolqot it-triq li mix-Xemxija tmur lejn il-Manikata, li tmur lejn San Martin u lejn il-Mizieb għadha mhijiex lesta bit-tbatijiet kollha li dan il-fatt ilu jġib għal snin twal. Jidher li ma tteħditx l-opportunità li jitqiegħdu l-mains tad-drenaġġ fl-inħawi fejn ma kienx hemm dan is-servizz.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-proġett mill-Awtorità tat-Turiżmu li kellu jsir fi Triq San Publju f’San Pawl il-Baħar baqa’ ma tkompliex.
Minħabba dan, miż-żona ttieħdu numru ta’ spazji ta’ parkeġġi b’inkonvinjent għar-residenti u għal dawk li kienu jgawdu mill-belveder li hemm fiż-żna Jidher li meta jerġa’ jinbeda x-xogħol għandu jieħu 33 ġimgħa biex jitlesta u għalhekk se jiġi s-sajf li fih dawk li soltu jużaw l-inħawi se jibqgħu b’xejn. Hi appellat lil min hu responsabbli biex ix-xogħol jitkompla u jitlesta mill-aktar fis possibli. Jirriżulta li ftit wara li beda l-proġett, sar studju dwar fdalijiet arkeoloġiċi. Dan missu sar qabel bdew ix-xogħlijiet.
Hi appellat lill-gvern biex isiru l-istudji biex il-proġett jerġa’ jibda, jitkompla u jitlesta biex ir-residenti jkollhom dak li kien imwiegħed.
Hi tkellmet dwar ix-Xemxija u qalet li fis-sit fejn kien hemm il-Mistra Village ix-xogħlijiet tkomplew anki fis-sajf. Ir-residenti ilhom is-snin ibatu l-inkonvinjenti mit-trabijiet u min-nuqqas ta’ parkeġġi wara li ttieħdu madwar 100 spazju ta’ parkeġġ.
Dwar il-fdalijiet storiċi fix-Xemxija, hi qalet li s-siti fiż-żona tħallew fi stat ta’ abbandun.