Spiċċa Jannar u l-istudenti tar-raba’ sena tal-iskejjel primarji għadhom ma ngħatalhomx it-tablet li normalment jingħata lilhom fil-bidu tas-sena skolastika. Dan kien ikkonfermat minn Clifton Grima, l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari magħmula mix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni Justin Schembri.
Fir-risposta tiegħu l-Ministru qal li dawn it-tablets mistennija jibdew jitqassmu fil-ġimgħat li ġejjin. Normalment, l-iskejjel jibdew jirċievu dawn it-tablets f’nofs Ottubru. Meta ninsabu fl-għatba tax-xahar ta’ Frar sa issa l-istudenti għadhom jistennew.
Dan il-proġett beda fis-sena 2016 permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond tal- European Union European Social Fund (ESF). Dan il-fond hu: Operational Programme II – European Structural and Investment Funds 2014-2020 u jgħid: “Investing in human capital to create more opportunities and promote the well-being of society.”
Dan hu proġett parzjalment finanzjat mill-European Union European Social Fund (ESF) u l-kofinanzjament isir bir-rata ta’ 80% mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-20% fil-mija l-oħrajn mill-fondi nazzjonali. F’Jannar tal-2014 il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien ħabbar sejħa għall-interess minn fornituri ta’ tablets u software għal programm pilota ta’ sena li kellu f’Marzu ta’ wara.
L-istudenti tat-tieni sena fl-iskola primarja kellhom ikunu l-ewwel li jibbenefikaw mill-programm ta’ tablet b’xejn bil-gvern kien qal li se jxerred lill-istudenti kollha tar-Raba’ Sena sa minn Settembru 2015. Dati li qatt ma nżammu minn dak iż-żmien ‘l hawn.
Fis-sena 2021, l-għalliema bidlu skemi tax-xogħol biex isegwu tajjeb l-introduzzjoni ta’ sillabu ġdid li jinkorpora fih il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Ħiliet. Il-kriterji tal-assessjar kontinwu jitlob mill-għalliem li juża modi differenti li jmorru ’l bogħod minn testijiet li kienu mdorrijin bihom għal ħafna snin.
It-tablet hu għodda importanti biex kemm it-tagħlim u kemm l-assessjar isir b’mod iktar effiċjenti. Il-ġenerazzjoni ta’ dawn l-istudenti tal-primarja jafu tajjeb sew li twieldu u trawmu bl-użu tat-teknoloġija moderna.
Qabel ma tibda s-sena skolastika, l-għalliema jkunu diġà ppreparaw l-iskemi tax-xogħol tagħhom għal sena skolastika sħiħa u dan ifisser li jkunu għamlu referenzi biex jintuża tablet fil-lezzjonijiet ta’ suġġetti differenti. Dan l-aħħar xhur l-għalliema tar-raba’ sena kellhom jibdlu l-pjanijiet tagħhom għax l-istudenti ma għandhomx f’idejhom it-tablets.
Matul l-ewwel term skolastiku, l-għalliema jippjanaw mill-inqas ħarġa edukattiva li fiha jkun hemm l-użu tat-tablet biex jirrekordjaw l-evidenza ta’ tagħlim kemm f’format ta’ ritratti, vidjows u jimlew dokumenti li huwa parti mill-assessjar kontinwu ta’ diversi suġġetti fosthom l-Istudju Soċjali, Matematika u Xjenza. S’issa dan ma jistax isir mill-istudenti tar-raba’ sena.
Dan in-nuqqas tat-tablet fil-klassijiet affettwa wkoll it-tip ta’ xogħol tad-dar li jingħata. Xogħol għad-dar li kien isir permezz tat-tablet kellu jinbidel u jibda jsir bil-metodi l-antiki ta’ kitba fuq il-pitazzi. Il-Learning Support Assistants jużaw t-tablet biex jippreparaw attivitajiet adatati għall-istudenti tagħhom biex jaċċessaw it-tagħlim aħjar.
//= $special ?>