Il-grupp Hamas qed jikkunsidra proposta biex jitwaqqaf temporanjament il-ġlied f’Gaza, u jkun hemm skambju ta’ ostaġġi għall-priġunieri Palestinjani.
Dan hekk kif qed isiru sforzi biex mill-ġdid ikun hemm waqfien mill-ġlied, hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti wissew dwar il-potenzjal ta’ “kollass umanitarju” fit-territorju ta’ Gaza.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, minn naħa tiegħu, reġa’ wiegħed għal darba oħra illi l-gwerra mhux se tispiċċax mingħajr “rebħa assoluta” għal pajjiżu.
Fi żviluppi oħra…is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres iltaqa’ mal-istati li jagħmlu parti mill-aġenzija tal-għajnuna Palestinjana wara li diversi pajjiżi ssospendew din l-istess għajnuna minħabba allegazzjonijiet li wħud mill-ħaddiema ħadu sehem fl-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru.
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża immexxi mill-Hamas qal li minn Ottubru…. 26,700 persuna nqatlu u 66,000 oħra sfaw midruba fl-attakki Iżraeljani fuq l-artijiet Palestinjani. L-uffiċjali Iżraeljani qed jgħidu li madwar 1,140 persuna nqatlu f’dawk l-attakki ta’ 3 xhur ilu – fejn il-Hamas ħadu madwar 250 ostaġġ.
Intant l-Iżrael indikaw ukoll kif fl-aħħar sigħat…inqatlu 3 suldati minn tagħhom. Il-militar f’Tel Aviv qed jgħid li l-qawwiet tiegħu qatlu mill-inqas 25 militant Palestinjan f’Gaza fl-aħħar 24 siegħa.
U waqt li għaddej dan il-kunflitt, hemm anke l-kwistjoni tat-tensjoni fil-Baħar l-Aħmar li tibqa’ tiddomina l-aħbarijiet. Bl-armata Amerikana tgħid li irnexxielha tintercetta missila sparata mill-Jemen.
Il-militanti Houthi minn naħa tagħhom qed jgħidu li sparaw diversi missili, fid-direzzjoni ta’ bastimenti navali Amerikani.