L-Erbgħa filgħodu ġie kkonfermat li fil-lista tal-iskema ta’ traħħis ta’ massimu ta’ 15% f’ċertu prodotti m’hemmx inkluż fiha frott u ħaxix frisk – għajr għal piżelli, spinaċi u brokkli ffriżati. Ebda żejt, ebda ġobon u wisq inqas bajd.
Ikel bażiku, l-essenzjal fuq mejda tal-pranzu Maltija li prezzhom mhux se jkun mtaffi lanqas bi ftit ċenteżmi…u għaldaqstant il-piż tal-għoli tal-ħajja fuq spallejn il-familji Maltin u Għawdxin xorta waħda qed ikompli jgħoddshom ‘l isfel.
B’rabta ma’ dan kollu staqsejna lill-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura Anton Refalo x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fatt li minkejja l-piż tal-inflazzjoni….u minkejja wkoll l-appelli biex il-poplu jiekol ikel bnin… frott u ħaxix frisk f’din il-lista ma ssibhom imkien.
B’Refalo jagħtina raġun…iżda ma jibilanċjax ruħu jekk il-lista se tiġi aġġornata jew le.
Rigward din il-lista staqsejna wkoll lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said x’taħseb dwar il-fatt li fost il-prodotti mraħħsa m’hemmx ikel tal-annimali domestiċi – b’Bugeja Said, surrealment, tweġibna li l-Gvern qed isewwi l-qtates u ħa jgħin lil min jitma l-qtates ta’ barra.
Inevitabbilment staqsejna lis-Segretarju Parlamentari…x’se jsir minn dawk li għandhom annimali domestiċi għajr il-qtates…..b’Bugeja Said l-ewwel tgħidilna li n-nies ma jiklux pet food…imbgħad tirreferina għall-annimali tal-irziezet.
Għal darb’oħra pruvajna nistaqsuha x’se jagħmel il-Gvern b’rabta mal-pet food….bis-Segretarju Parlamentari, bħal Ministru, tgħidilna li se jieħdu kollox ġurnata b’ġurnata.