Lokali Qorti

Ordnata l-estradizzjoni ta’ raġel mill-Maċedonja lejn il-Bulgarija fuq serq bl-armi

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat l-estradizzjoni lejn il-Bulgarija ta’ Goran Stojanovski. Stojanovski għandu 47 sena u huwa mill-Maċedonja ta’ Fuq. Goran Stojanovski kien qed jirreżisti l-estradizzjoni tiegħu lejn il-Bulgarija, għax kien qed jikkontesta l-każ li huwa nvolut f’attività kriminali.

Il-Qorti wara li semgħet il-provi kontrih ordnat li jinżamm taħt arrest sakemm jgħaddu sebgħa t’ijiem fejn għandu dritt jappella. Fil-Bulgarija, Stojanovski hu akkużat li kien kompliċi f’serqa minn uffiċċji ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni, minn fejn ittieħdu diversi mobile phones u ċwievet. Matul din is-serqa intużaw ukoll l-armi.

Kien fit-12 ta’ Diċembru li għadda li l-Qorti Bulgara ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew. Stojanovski kien qed jiġi mfittex ukoll mis-Slovakkja b’rabta ma’ reati li wettaq hemm. F’Malta huwa kien instab ukoll ħati ta’ serqa f’lukanda f’San Ġiljan li fiha uża l-pepper spray fuq żewġ impjegati.

F’Ġunju li għadda, l-istess raġel tressaq quddiem il-Qorti ta’ Malta u weħel sentenza ta’ ħames snin priġunerija effettiva wara li nstab ħati li attakka lil żewġ uffiċjali li kienu qed jieħdu ħsieb iż-żona tas-swimming pool ta’ lukanda f’San Ġiljan.

Dakinhar tal-attakk, li seħħ fit-12 ta’ Awwissu tal-2018, Stojanovski attakka liż-żewġ uffiċjali, żammhom kontra r-rieda tagħhom, uża l-pepper spray fuqhom u weġġagħhom b’mod ħafif qabel serqilhom ammont ta’ flus li kienu qed jgħoddu qabel jagħlqu.

Goran Stojanovski kien suspettat ukoll li wettaq serqa minn spiżerija f’Buġibba, iżda nħeles minn dawn l-akkużi, waqt li nstab ħati li ffalsifika d-dokumenti. Il-prosekuzzjoni fil-każ tal-estradizzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri.