Lokali Qorti

Roderick Cassar jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi fuq it-talba tiegħu dwar l-akkuża ta’ femiċidju

Roderick Cassar qed jitlob li l-proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati li fihom jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice Cilia jiġu sospiżi sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi dwar it-talba tiegħu biex ma jiġix akkużat b’femiċidju.

Cassar jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru 2022 qatel lil martu b’tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin waqt li kienet sejra għax-xogħol. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għal dan il-qtil. Fost l-akkużi kontrih hemm dik tal-femiċidju.

Madankollu l-avukati tiegħu qed joġġezzjonaw għal din l-akkuża u qed jitolbu li titwaqqa’ għax qed isostnu li ma jistax iqajjem l-argument tal-‘crime of passion’ xi ħaġa li skont id-difiża hija diskriminatorja. F’rikors Kostituzzjonali li ppreżenta f’April li għadda, Roderick Cassar ta’ 42 sena, mixli li f’Novembru li għadda qatel lill martu Bernice Cassar qed jallega li l-femiċidju huwa wieħed diskriminatorju fil-konfront tiegħu u ta’ l-irġiel akkużati b’dan ir-reat.

Għaldaqstant talab lill-Qorti biex tiddikjara li l-qafas leġislattiv introdott bl-Att X tal-2022 qiegħed jikser id-drittijiet fondamentali tiegħu kif salvagwardjati mill-artikolu 39 u 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-artikoli 6, 14 u l-artikolu 1 tal-Protokol numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fir-rikors Cassar għamel diversi mistoqsijiet li jgħidu: għalfejn l-omiċidju ta’ mara, mwettaq f’xi ċirkostanza msemmija fl-artikolu 211A, huwa meqjus bħala wieħed iktar gravi minn omiċidju ta’ raġel imwettaq f’ċirkostanzi identiċi? Għalfejn raġel (jew mara) misjub ħati talli volontarjament ikkaġuna l-mewt ta’ mara għandu jkun soġġett għal piena iżjed ħarxa minn mara [jew raġel] li volontarjament toqtol raġel fl-istess ċirkostanzi?

Ir-rikors jistaqsi wkoll: b’analoġija, wieħed m’għandux allura jqis bħala aggravat kull tip ta’ reat reat kommess fuq mara? Għalfejn omiċidju u tentattiv ta’ omiċidju biss? Tista’ din titqies bħala liġi li toħloq sens ta’ ugwaljanza? Il-ħajja ta’ raġel ma hix prezzjuża daqs il-ħajja ta’ mara?

Qed jistaqsi wkoll għaliex omiċidju kommess fuq raġel taħt influwenza immedjata ta’ passjoni istantanja jew aġitazzjoni tal-moħħ huwa suġġettibbli għal piena imnaqqsa pero’ omiċidju kommess fuq mara ma huwiex? Omiċidju kommess fuq mara ma jistax daqstant ieħor iseħħ taħt l-influwenza immedjata ta’ passjoni istantanja? Għaliex dan it-trattament differenti, jistaqsi Cassar.

Cassar qed jgħid ukoll li filwaqt li hu presunt innoċenti, il-liġi attwali qegħda toħnoqlu d-dritt sagrosant li jressaq difiża skont il-liġi u dana in kwantu li tipprekludih milli jirrikorri għal linja difensjonali altrimenti applikabbli f’xenarji komparabbli – ossia l-invokar tal-iskużanti tal-passjoni istantanja.

Għall-familja ta’ Bernice Cassar qed jidhru l-Avukati Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar u Rodianne Sciberras.