Bqajna fejn konna.
Ħafna propaganda għalxejn.
Dan kien is-sentiment ewlieni li qasmu magħna numru ta’ persuni li l-Ħamis marru jagħmlu ix-xirja tagħhom…fil-jum li fih bdiet is-suppost skema ta’ roħs li ħabbar Robert Abela b’tant pompa.
Tul il-jum, iltqajna ma numru ta’ persuni li kienu għadhom kif ħarġu minn ħwienet jew supermarkets. B’ħafna jirrimarkaw li ma rawx differenza fil-kont tagħhom.
Punt ieħor interessanti hu li ma kien hemm ebda tip ta’ roħs fuq il-prodotti lokali bħalma huma il-ħalib, il-ħobż u l-frott u l-ħaxix frisk.
Dawn il-kummenti jirriflettu xenarju illi l-esperti fl-industrija – fosthom membri tal-Malta Chamber – kienu diġa’ qed ibassru.
Ħafna nies fl-industrija qed jgħidu li din l-istess skema li daħlet fis-seħħ propju fl-ewwel jum ta’ Frar hija possibilment ta’ riskju mhux biss għall-konsumaturi imma anka għan-negozjanti innifishom; kemm dawk li parteċipaw f’din l-iskema kif ukoll għan-negozji ż-żgħar. Apparti illi hemm biża’ li ċertu prodotti jafu jkomplu jogħlew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin – dan meta l-inflazzjoni madwar l-Ewropa, specjalment fuq l-ikel, qedgħa tonqos.
//= $special ?>