Lokali

Baraxx ta’ kritika min-nies għall-iskema tal-prezzijiet

L-1 ta’ Frar; il-ġurnata li fiha bdiet il-famuża skema tal-prezzijiet…lista ta’ 15-il prodott illi ma tinkludix frott, ħaxix, bajd, ġobon, ħobż, perżut u ħalib frisk. Lista li meta tħares lejha tinduna li fiha tħallew barra ħafna prodotti essenzjali.

Il-Ħamis filgħodu kien hemm baraxx ta’ kritika fuq il-paġna tal-media Laburista taħt artiklu dwar din l-iskema, b’uħud mill-kummenti jgħidu li din il-mossa hija sempliċiment gimmick – filwaqt illi qalu li għal darba oħra l-Gvern qed jipprova jidħaq bin-nies.

Ħafna kummenti indikaw li din l-iskema mhi xejn għajr manuvra oħra biex ikomplu jbatu n-negozji ż-żgħar għaliex huma l-aktar li qed jerfgħu il-piż. Dan apparti li l-Gvern fl-ebda stadju ma kkonsulta mal-ħwienet; iżda sempliċiment bagħatilhom ittra jinfurmahom b’din l-iskema u kif jistgħu jingħaqdu.

Kummenti oħra nnutaw in-nuqqas ta’ prodotti f’din l-iskema hekk kif fil-lista m’hemmx affarijiet bażiċi li jinxtraw ta’ kuljum; u hemm għażla limitata ħafna ta’ ikel sustanzjuż – bil-frott u l-ħaxix frisk ma jidher imkien.

Barra minn hekk, bosta urew it-tħassib tagħhom li bir-roħs ta’ dawn il-ftit prodotti se jogħlew il-prezzijiet ta prodotti oħra u allura dan ifisser li fir-realtà l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed joħroġ aktar flus minn butu.

Persuni oħra sostnew li uħud mill-ħwienet iż-żgħar li pruvaw jingħaqdu ma’ din l-iskema għadhom ma ngħatawx risposta. U għalhekk fl-ewwel ġurnata ta’ din l-iskema dawn il-ħwienet diġa’ qegħdin fi żvantaġġ kbir.

Intant, matul dawn l-aħħar ġimgħat bosta għaqdiet ikkritikaw din l-iskema b’mod speċjali minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni; bl-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem sostniet li jekk il-Gvern ta’ Robert Abela irid ikun verament soċjalista u jneħħi l-piż minn fuq il-familji Maltin u Għawdxin għandu jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA. U jieqaf idawwar €40 miljun minn fuq dahar il-poplu – proposta li kienet saret mill-Partit Nazzjonalista u li l-Gvern baqa’ stinat kontriha.