Lokali Saħħa

Fis-settur tas-saħħa mentali twiegħed kollox u ma twettaq xejn – PN

Mhux ġust li diversi persuni li jbatu minn xi tip ta’ kundizzjoni ta’ saħħa mentali jkollhom jittalbu għall-mediċini li jkollhom bżonn, skont dak li jkun ġie preskritt mill-professjonist mediku.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia, mix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo, u mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.

Ta’ kuljum, diversi pazjenti, tfal, żgħażagħ u adulti, qed isibuha diffiċli biex jaċċessaw il-medicini fuq il-Formolarju tal-Gvern u jkollhom jixtru dawn il-mediċini minn buthom għax ma jkollhomx għażla oħra. Diversi pazjenti, qraba u għaqdiet volontarji fis-settur qed jilmentaw li qed ikollhom jieħdu mediċini ta’ kwalità inferjuri minħabba li dawk ideali m’humiex aċċessibbli fuq il-Formolarju, inkella jridu jsibu mod kif jixtru dawk l-ideali ghalihom.

Sfortunatament dan qed iwassal biex, minħabba dan in-nuqqas, diversi pazjenti qed ikollom effetti negattivi fuq il-kura u l-benesseri tagħhom. Dan minbarra li jiżdied ukoll il-piż finanzjarju fuq il-familji.

Minflok ma l-pazjenti u dawk għeżież tagħha qed isibu għajnuna biex itejbu l-kundizzjoni tagħhom b’mediċini li jkunu in-stock, qed jispiċċaw jaraw kif jixtru huma mill-privat, minn buthom, il-mediċini out-of-stock min-naħa tal-Gvern. Dan żgur ma jgħinx biex huma jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni biex idaħħal immedjatament fil-Formolarju mediċini ġodda u ta’ kwalità fis-settur tas-saħħa mentali biex jgħin lill-pazjenti jkollhom riżultati ahjar fil-kura taghhom. Il-Gvern għandu jara wkoll li ma jibqax ikollna mediċina out-of-stock.

Is-sitwazzjoni qed titfa’ wkoll piż addizjonali fuq il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema f’dan is-settur, li tant jagħmlu xogħolhom b’imħabba għall-ġid tal-pazjent.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni l-pjan tiegħu għal titjib f’dan is-settur. Pjan li se jkun qed inaqqas it-tbatijiet u li jagħti lok għal ħajja aħjar f’pajjiżna:

1. Nibnu sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei.

2. Naraw li jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Karmeli.

3. Naraw li l-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn.

4. Ninvestu fil-Formularju tal-Mediċini b’mediċini ġodda li qed jingħataw diġà fis-suq u li nafu li joffru livell ta’ kura aħjar.

5. Noħolqu pjan ta’ edukazzjoni biex negħlbu l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn din il-kundizzjoni.

6. Noħolqu programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tinduna u tfittex l-għajnuna.

7. Nintegraw il-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma.

8. Ikun offrut programm ta’ assessjar fi studenti u l-ħaddiema ta’ pajjiżna biex, b’eżaminazzjoni, ikunu jafu jekk humiex qed ibatu minn xi kundizzjoni relata mas-saħħa mentali.

9. Ninvestu fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet tagħna.

10. Ngħinu għaqdiet volontarji biex jinvestu aktar f’dan is-settur.

11. Insaħħu l-metodi biex nies fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament.

12. Nintroduċu ‘safe spaces concept’ f’binjiet kbar jew pubbliċi meta wieħed iħossu mhux komdu jew li jrid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni.