Lokali

George Vella jittama li jintlaħaq qbil

F’April ta’ din is-sena jagħlaq it-terminu ta’ 5 snin tal-President George Vella – iżda s’issa, jidher li ma ntlaħaq ebda ftehim dwar min se jkun is-suċċessur tiegħu.

Il-President il-ġdid irid jiġi approvat mill-Parlament b’vot taż-żewġ terzi tal-Kamra.

Minn naħa tiegħu f’kummenti ma’ Net News il-President ta’ Malta George Vella qal illi jittama li lejn tmiem il-Presidenza tiegħu jkun intlaħaq qbil fuq l-isem tal-persuni li se tieħu postu.

Il-President għadda dawn il-kummenti hekk kif il-Ħamis tħabbru d-dettalji dwar “Il-Ballu tal-President” – avveniment ieħor li jsir biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.

Waqt it-tnedija li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta ntqal li se terġa tirritorna it-tradizzjoni tal-Ballu tal-President li se jkun l-aħħar avveniment fuq dan il-livell mill-Community Chest Fund għal din il-Presidenza.

Il-Ballu se jsir fit-2 ta’ Marzu fil-Palazz tal-Belt u kull biljett jiswa €200.

George Vella stqarr illi hu jittama li dan il-ballu jkompli jsir matul is-snin li ġejjin.

Waqt id-diskors tiegħu l-President ta’ Malta … li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella … qal ukoll li dan il-ballu għandu sinifikat kbir għalihom peress li se jkun l-aħħar avveniment pubbliku għal din il-Presidenza. Dan filwaqt li dawk li se jattendu għal dan il-ballu se jkunu jistgħu jgawdu l-Palazz – bini storiku li jmur lura għal żmien il-Kavallieri, u li dan l-aħħar tlesta r-restawr estensiv li sar fuqu.