Il-bdiewa minn madwar l-Ewropa ssieħbu f’dimostrazzjoni ta’ rabja fi Brussell, fejn insistew biex il-Mexxejja tal-Istati Ewropej jgħinuhom aktar biex ilaħħqu mal-obbligi tat-taxxa filwaqt li jtaffulhom mill-ispejjeż relatati mal-industrija tal-biedja
Irrankaw ukoll il-protesti kontra l-importazzjoni tal-prodott agrikolu minn barra l-Ewropa – u partikularment kontra r-regoli tal-hekk-imsejjaħ Green Deal li jesiġi għas-sostenibbiltà tal-ekonomiji b’rispett għall-klima u biex l-emissjonijiet tal-gassijiet greenhouse jonqsu b’talanqas 55 fil-mija sal-2030.
Intant, il-bdiewa fi Brussell garaw kwantitajiet ta’ bajd u ġebel il-bini tal-Parlament Ewropew filwaqt li qabbdu n-nirien fil-viċinanzi – b’uħud mid-dimostranti anki jwasslu ‘il-messaġġ tagħhom’ bil-logħob tan-nar.
Il-bdiewa li marru fi Brussell biex jipprotestaw kienu ġejjin minn kważi kull pajjiż Ewropew, fosthom l-Italja, Spanja u Franza. Intant, id-dimostrazzjonijiet saru wkoll f’ħin meta l-Mexxejja tal-Ewropa kienu qed jattendu għas-summit tallum fil-kapitali Belġjana.
Filwaqt li s-sitwazzjoni tal-bdiewa qed tvarja minn pajjiż għall-ieħor, hu minnu li l-inkwiet fost kulmin jaqla’ x’jiekel mill-biedja qed jikber kontinwament f’pajjiżi bħall-Portugall, il-Greċja u anki l-Ġermanja. Dan ukoll fost it-tensjoni relatata mal-kampanji tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-bidliet fil-klima,
Il-maġġoranza tal-bdiewa ma jaqblux ma’ ħafna liġijiet imposti mill-Kummissjoni Ewropea u li skont huma qed jikkumplikawlhom xogħolhom, b’impatt dirett għall-mezzi tal-introjtu.
Fl-istess ħin, il-Mexxejja tal-Ewropa qed jippruvaw irażżnu r-rabja minħabba li l-bdiewa qegħdin juru dispożizzjoni favur il-gruppi politiċi estremisti tal-lemin li jidhru li se jkunu forza kbira fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju għall-Parlament Ewropew.
//= $special ?>