Lokali

“Il-Gvern għandu jkun ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u mhux jipprova jintimidahom biex ma jipprotestawx” – PN

Minflok jipprova jagħlaq ħalq il-bdiewa u r-raħħala milli jeżerċitaw id-dritt fundamentali li jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, il-Gvern għandu jiffoka l-enerġija tiegħu li jassisti bl-aqwa mod dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna.

Hu ta’ għib li fid-dawl tal-problemi u d-diffikultajiet li l-bdiewa u r-raħħala tagħna qed iħabbtu wiċċhom magħhom, minflok ma jkunilhom ta’ spalla, il-Gvern qed jagħmlilhom sarima ma’ ħalqhom.

Din l-attitudni żgur li mhix ta’ ġieħ għall-Gvern Malti, aktar u aktar fi żminijiet meta dan is-settur hu mhedded minn diversi swieq, mhux biss minn barra l-pajjiż, iżda wkoll minn barra l-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi għal responsabbiltà fit-tmexxija, billi l-Gvern primarjament isaħħaħ ir-relazzjoni mas-settur konċernat u mhux jagħmel xkiel. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-libertà tal-espressjoni, filwaqt li jtenni li kulħadd għandu l-libertà li jissielet għal dak li jemmen u għal dak li hu tiegħu.

Dan intqal fi stqarrija minn Tony Bezzina x-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd.