Ewropa Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi Brussell għal diversi laqgħat fuq temi Ewropej

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jinsab fi Brussell għal taħdidiet dwar il-programm politiku għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

F’laqgħa li kellu mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u mal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta diversi sfidi b’rabta ma’ dak li qed jgħix ta’ kuljum il-poplu Malti u Għawdxi.

Fost it-temi ewlenin, hu semma’ kif il-programm elettorali u l-politika tal-Partit Nazzjonalista qed toffri s-soluzzjonijiet, fost l-oħrajn, għall-għoli tal-ħajja, għas-sigurtà u għal ambjent san fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Semma’ wkoll kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun ta’ tarka għall-persuni vulnerabbli permezz ta’ legislazzjonijiet Ewropej.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Simon Busuttil, fejn iddiskutew il-preparamenti tal-Partit għall-kampanja elettorali.

Fi Brussell saru wkoll laqgħat dwar il-programm elettorali tal-Partit Popolari Ewropew, li għalihom attenda wkoll is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.