Internazzjonali

Iżrael: Mhux lest li jħallas kwalunkwe prezz għall-ħelsien tal-ostaġġi f’idejn il-Ħamas

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu tenna li filwaqt li Iżrael se jagħmel minn kollox biex jeħles liċ-ċittadini tiegħu li qed jinżammu ostaġġ mill-Ħamas, il-Gvern u l-Armata ta’ Iżrael żgur mhumiex se jċedu għal ‘kwalunkwe rikatt jew kundizzjoni’ min-naħa tat-terroristi Palestinjani.

Netanyahu tenna li mhux lest li jaqbeż kwalunkwe linja ħamra u li Iżrael se jibqa’ għaddej bil-gwerra sakemm jilħaq it-tragwardi militari kollha fil-Medda ta’ Gaza. Il-Prim Ministru kompla li fl-ebda ħin mhu se jirtira lill-qawwiet tiegħu minn Gaza, wisq anqas jeħles lill-eluf tal-priġunieri Palestinjani li l-Iżraeljani jqisuhom bħala terroristi.

Il-Gvern Iżraeljan, flimkien ma’ diversi medjaturi, qegħdin janalizzaw l-aħjar metodu biex jinħelsu l-ostaġġi li ilhom f’idejn il-Ħamas mindu l-grupp terroristiku wettaq l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet Iżraeljani viċin il-fruntiera ta’ Gaza….Azzjoni li wasslet għal dan il-konflitt bla heda bejn Iżrael u l-Ħamas u li qed javviċina r-raba’ xahar mill-bidu tal-ostilitajiet.

Intant, Netanyahu kompla jenfasizza li pajjiżu mhux lest li jħallas kwalunkwe prezz għall-ħelsien tal-ostaġġi. Dan waqt li hu insista mill-ġdid għall-eliminazzjoni tal-Ħamas bil-għan li l-poplu Iżraeljan iserraħ rasu li l-Medda ta’ Gaza ma sservix aktar bħala bażi għat-terroriżmu.

Fl-aħħar sigħat, l-aktar attakki intensivi tal-Iżraeljani kienu qed jikkonċentraw fuq il-belt ta’ Khan Younis lejn in-Nofsinar ta’ Gaza …Hawnhekk ma waqfux il-bumbardamenti fuq iz-zoni ta’ Khan Younis indikati bħala moħbiet tal-Ħamas.

Il-battalji mal-art, sadanittant, ilhom għaddejjin għal aktar minn jumejn u meta l-ġlied bejn it-truppi Iżraeljani u l-Ħamas anki qed jikkonċentra fil-madwar ta’ żewġ sptarijiet ewlenin f’Khan Younis.