Lokali

Jisfuma fix-xejn il-proġett tax-Chalet li kien ħabbar il-Prim Ministru f’Ottubru

L-entità tal-Gvern Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) ħabbret li ġie konkluż il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proġetti għar-riġenerazzjoni tas-siti ta’ Evans Building fil-Belt Valletta u x-Chalet f’Tas-Sliema.

Għas-sit tax-Chalet, fejn kienet daħlet proposta waħda, ġie irrakomandat li l-offerta taqa’. Iżda fi stqarrija, il-Gvern ma qalx għaliex twaqqgħet din l-offerta.

Il-proġett tax-Chalet fiz-zona ta’ Għar id-Dud f’Tas-Sliema kien tħabbar b’pompa kbira mill-Prim Ministru f’Ottubru li għadda. Dan wara li l-Kabinett kien iddeċieda li toħroġ sejħa pubblika sabiex is-sit tax-Chalet ma jibqax fi stat ta’ abbandun iżda fuqu jsir dak li ġie deskritt bħala “proġett sabiħ li jikkumplimenta ż-żona” – għalkemm issa, minn dak kollu imwiegħed, jidher li mhu se jsir xejn.

Intant, għas-sit tal-Evans, ġew evalwati diversi offerti. L-offerta li qed tiġi rrakomandata għallaward tal-konċessjoni ta’ ħamsa u sittin sena hija dik sottomessa mill-Valletta Luxury Projects, liem offerta hija ta’ €1.2 miljun fis-sena u tlaħħaq it-€78 miljun.

Is-sit tal-Evans Building ġie identifikat bħala sit importanti li jista’ jikkontribwixxi sabiex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku tal-pajjiż. Fil-fatt, bħala parti mill-pjan tarriġenerazzjoni tal-Belt Valletta, l-MSPP ħadmet fuq studji intensivi sabiex tevalwa lfattibilita tal-riabilitazzjoni ta’ dan is-sit li jinbidel f’akkomodazzjoni turistika ta’ kwalita’ għolja.

Din il-binja fil-Belt Valletta għandha elementi ta’ wirt kulturali, filwaqt illi hija rregolata mill-Fort St Elmo and Environs Development Brief tal-2011 liema dokument jagħti lok għal żvilupp totali tal-binja. Minkejja dan, wara proċess konsultattiv mal-UNESCO u s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali, ittieħdet id-deċiżjoni illi din il-binja żżomm il-qoxra esterna tagħha.

Issa, dan il-proġett se jkun qed jitressaq quddiem il-Parlament.