Lokali

L-inflazzjoni tagħmilha diffiċli biex in-negozji jibqgħu għaddejjin; 40% esperjenzaw tnaqqis fil-profitt

Iktar minn 41% qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar biex ikomplu jmexxu n-negozji tagħhom minħabba l-inflazzjoni.

Dan sabu stħarriġ li sar mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji fost il-membri tagħha b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Misco li għalih wieġbu 283 persuna bejn it-12 u t-23 ta’ Jannar.

Apparti dan, in-negozji qalu wkoll li qed isibuha diffiċli biex isibu ħaddiema għall-irwoli fil-kumpanija tagħhom minħabba shortage ta’ ħaddiema f’pajjiżna.

Dan filwaqt li saħqu li l-Gvern Laburista għandu jindirizza diversi problemi li qed jippersistu f’pajjiżna, bl-iktar erbgħa kwistjonijiet huma l-inflazzjoni, il-korruzzjoni, il-governanza t-tajba, u ż-żieda esseġerata tal-popolazzjoni. L-istess kwistjonijiet baqgħu jippersistu u jidhru anke mill-istess stħarriġ li kien sar is-sena l-oħra, bl-istess mistoqsija kienet ġiet preżentata.

Dan filwaqt li fil-maġġoranza jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina. PP22 U quddiem dan, is-sidien ta’ negozji Maltin jinsabu inċerti jew assolutament mhux konvinti li għandhom jinvestu fil-kumpanija tagħhom fix-xhur li ġejjin.

Agħar minn hekk hemm li 66.5% jemmnu li kollox mistenni jibqa’ eżatt kif inhu jew saħansitra jmur agħar milli diġa’ qegħdin fih.

L-istħarriġ sab li l-ikbar fattur li wassal għat-tnaqqis fil-bejgħ għall-ħwienet kien il-fatt li l-konsumatur nefaq inqas mis-snin passati.

Dan apparti li 40% ta’ dawk li wieġbu qalu li esperjenza tnaqqis fil-profitt li għamlu, b’34% qalu li baqgħu fl-istess livell u 26% biss li għamlu iktar profitt mis-snin passati.

Mistoqsija x’kienu r-raġunijiet li kellhom jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti jew servizzi tagħhom, 63% wieġbu li l-ikbar fattur kien minħabba l-pagi tal-ħaddiema, b’54% jgħidu li dan seħħ minħabba ż-żieda fl-ispejjeż ta’ prodotti li jiġu minn barra pajjiżna. Fil-fatt qed jidher li l-ispejjeż bie wieħed iġib prodotti minn barra qed jerġgħu jgħollu rashom, bin-negozji Maltin diġa’ qed ikunu notifikati li fix-xhur li ġejjin se jkollhom spejjeż ikbar.

Dwar żminijiet ta’ festi, kienu biss 27% li qalu li raw żieda fil-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi tagħhom meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, b’37% esperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ.

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji nnotat li ż-żieda fil-prezzijiet mhux qed isir għaliex in-negozji qed jabbużaw iżda għaliex m’għandhomx għażla oħra quddiem l-ispejjeż li qed jesperjenzaw.

Suġġerimenti li saru mill-SMEs lill-Gvern:

Quddiem dan l-istħarriġ inkwetanti, l-SMEs taw numru ta’ suġġerimenti li jolqtu lin-negozji kollha u mhux biss persentaġġ żgħir bħalma qed isir bħalissa. Suġġerimenti li l-Gvern għandu jikkunsidra li jieħu passi ‘l quddiem dwarhom sabiex jgħin is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna.

Fost l-oħrajn ġie ssuġġeriet li l-VAT jitnaqqas minn 18% għal 15% fuq il-prodotti u servizzi kollha sabiex pajjiżna jirnexielu jiġġieled l-inflazzjoni. Huma ssuġġerew ukoll li titneħħa t-taxxa tas-SISA, taxxa moħbija, fuq prodotti li huma meqjusa neċċessarji għall-ħajja ta’ kuljum, fosthom l-ilma, u prodotti ta’ iġene personali.

Dan apparti li ssuġġerew ukoll li n-negozji titnaqqsilhom it-taxxa sabiex isibuha eħfef biex imexxu n-negozji tagħhom ‘il quddiem u jikbru. Dan filwaqt li l-Gvern għandu jagħti sapport ikbar lin-negozji lokali sabiex jesperjenzaw stabbiltà ikbar u mhux biss neħlu fi pjan ekonomiku għal perjodu qasir iżda minflok naħsbu fuq bażi itwal fiż-żmien.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li ħafna qed jaqgħu lura minħabba kompetizzjoni inġusta, fejn diversi negozji qed jiġu Malta bla ma jirrispettaw il-liġijiet Maltin, bl-infurzar mhux qed jidħol fis-seħħ b’riżultat li qed ibatu n-negozji Maltin li qed isegwu dak huma obbligati li jagħmlu. U quddiem dan appellaw biex il-Gvern jassigura li jkun hawn infurzar kif inhu mistenni.

Suġġerimenti li ilhom isiru snin sħaħ mill-istess Kamra iżda l-Gvern għadu s’issa jinjora dawn l-appelli t’għajnuna sabiex in-negozji f’pajjiżna jkompli jikbru.