Għal darb’oħra, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma eskludix li se jkun qed joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tant illi għadu qed jikkunsidra l-pożizzjoni li għandu jieħu.
Il-klikka ta’ Joseph Muscat fl-amministrazzjoni Laburista qed tibqa’ timbuttah biex hu jikkontesta għall-MEPs, b’Robert Abela jammetti li lanqas għandu is-saħħa jgħidlu le, u b’Muscat qed jgħid illi qed jaħsibha għaliex fi kliemu stess “ma jistax jinjora lin-nies”.
“Wara l-post qed nikkunsidraha,” qal Muscat. “Hi deċiżjoni diffiċli. Filgħodu ngħid ħaġa, filgħaxija ngħid oħra.”
Lura fis-27 ta’ Ġunju, Joseph Muscat kien stqarr ma’ Net News li ma kellu ebda intenzjoni li jikkontesta għall-Parlament Ewropew. U allura, aktar iqumu dubju dwar x’wassal biex Muscat jikkunsidra r-ritorn tiegħu fil-politika.
Intant, waqt din l-istess intervista fuq F living, Muscat tkellem fost l-oħrajn dwar it-traffiku; fejn wera biċ-ċar li l-Partit Laburista m’għandux soluzzjoni għal din l-isfida enormi.
“Jekk ma tridx traffiku mur suq fid-deżert,” qal Muscat.
U wisq inqas ma ta soluzzjoni għaż-żieda enormi fil-popolazzjoni; riżultat tal-mudell ekonomiku li daħħal hu stess – u li komplih Robert Abela.
“Jekk ma tridx tara nies mur fejn m’hemmx xogħol,” qal Muscat.
Interessanti l-fatt illi Muscat, fl-istess intervista, stqarr li f’pajjiżna hawn livell qawwi ta’ kriminalità.
“Hawn problema ta’ kriminalità u problema ta’ min jabbuża,” qal Muscat. “Hemm bżonn tal-infurzar.”
Intant, minkejja li l-Qorti kkonfermat li t-tliet sptarijiet li l-Gvern ta’ Muscat kien ta lil Vitals u Steward reġgħu rritornaw għand il-poplu u kkunsidrat id-deal bħala wieħed frawdolenti….l-istess Joseph Muscat qed jghid li hu moħħu mistrieħ dwar id-deċiżjonijiet li kien ħa fil-passat – deċiżżjonijiet li serqu minn ħalq il-poplu l-miljuni ta’ ewro. Bl-eks Prim Ministru jghid biss li hawn ħafna nies jobgħoduh.
“Jistgħu jakkużawni fuq li jridu għax moħħi mistrieħ,” qal Muscat.
//= $special ?>