Għawdex Lokali

Tmut il-Madre li kienet implikata fil-każi ta’ abbuż f’istitut f’Għawdex

Aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Santwarju ta’ Pompej f’Għawdex ħabbar illi mietet il-Madre Superjura Ġenerali tad-Dumnikani Carmelita Borg; l-istess soru li fi snin tmenin kienet tmexxi Dar Lourdes f’Għajnsielem.

Il-mewt tagħha seħħet ġimagħtejn biss wara li fil-Qorti nstemgħet xhieda ta’ żewġ nisa li qattgħu tfulithom mas-sorijiet ta’ dan l-istitut u li qed iressqu każ serju ta’ abbuż fil-konfront tagħhom mill-istess sorijiet.

Fil-Qorti, iż-żewġ nisa tkellmu dwar abbużi u swat li qalgħu minn Swor Josephine Anne Sultana u Swor Dorothy Mizzi – każ li allegatament seħħ bejn Diċembru tal-1975 u Ottubru tal-1984. F’dawk iż-żminijiet, Swor Carmelita Borg kienet il-Madre Superjura ta’ dak l-istitut, bl-akkuża prinċipali tkun li hi għalqet għajnejha għat-tbatijiet li ġarrbu.