Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru Clifton Grima jikkonferma li t-tablets se jingħataw lill-istudenti tal-anqas ħames xhur tard

Konferma li l-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel primarji se jingħataw it-tablet li kien wiegħed il-Gvern ta’ Robert Abela tal-anqas ħames xhur tard.

Dawn it-tablets suppost jingħataw f’nofs Ottubru; iżda issa għaddiet nofs sena skolastika u l-istudenti għadhom mingħajr it-tablet.

Dan in-nuqqas ta’ tablets fil-klassijiet affettwa wkoll it-tip ta’ xogħol tad-dar li jingħata. Xogħol għad-dar li kien isir permezz tat-tablet kellu jinbidel u jibda jsir bil-metodi l-antiki ta’ kitba fuq il-pitazzi. Dan apparti li l-Learning Support Educators jużaw it-tablet sabiex jippreparaw attivitajiet adattati għall-istudenti tagħhom biex jaċċessaw it-tagħlim aħjar.

Il-Ġimgħa f’kummenti ma’ Net News il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima wiegħed li t-tablets se jingħataw dan ix-xahar – illi jfisser ħames xhur tard.

U hekk kif issa għaddew ‘il fuq minn xahrejn mill-istrajk nazzjonali tal-għalliema, jidher li s’issa għadu ma ntlaħaqx qbil dwar il-pakkett finanzjarju tal-edukaturi – bil-Gvern għadu ma żammx mal-wegħda elettorali li kien għamel fil-manifest tal-2022 li l-edukaturi jkollhom żieda sostanzjali fil-paga.

Bil-Ministru Grima jgħidilna li jaqbel mal-istqarrija tal-MUT li ġie ippubblikata il-Ħamis…stqarrija illi tgħid li jekk ma jintlaħaqx qbil sa ċertu data l-għalliema b’mod immedjat se jerġu jibdew bl-azzjonijiet industrijali – għalkemm jidher li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MUT għadhom għaddejjin.