Lokali Transport

Medja taʼ 60 vettura kuljum ingħataw liċenzja ġdida

Fit-toroq tagħna, qed jiżdiedu 28 vettura kuljum - dan meta wieħed inaqqas il-karozzi li jiġu skrapjati

Statistika maħruġa llum mill-NSO turi li matul ir-rabaʼ kwart tal-2023, il-vetturi liċenzjati f’pajjiżna żdiedu bʼ2,560 fuq it-tliet xhur taʼ qabel. Fl-istess perjodu, kien hemm medja taʼ 60 vettura li, kuljum, ingħataw liċenzja ġdida.

L-istatistika tal-NSO turi li sa tmiem is-sena li għaddiet, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati qabeż l-438,500 – fi kliem sempliċi, ftit anqas minn nofs miljun vettura fit-toroq tagħna, b’żieda medja ta’ 28 vettura kuljum.

Miċ-ċifri, jirriżulta li 73.8 fil-mija tal-vetturi huma karrozzi tal-passiġġieri, 14.2 fil-mija huma vetturi kummerċjali jew agrikoli u 11.4 fil-mija huma muturi jew roti elettriċi, scooters li jitħaddmu bl-elettriku, muturi b’erba’ roti, u ATVs.

Ix-xarabanks u l-minibuses ammontaw għal anqas minn wieħed fil-mija.

Intant, il-biċċa l-kbira tal-vetturi bʼliċenzja ġdida – 3,658 jew 66.7 fil-mija tat-total – kienu karozzi.

Interessanti l-fatt illi kienu biss 967 ir-roti jew muturi eletriċi li ġew reġistrati.

Meta mqabblin mat-tielet kwart tal-2023, kienu rreġistrati żidiet taʼ 29.3 fil-mija, 7.9 fil-mija, u 6.7 fil-mija fl-għadd taʼ vetturi li jitħaddmu bid-diżil u l-elettriku, bil-petrol u l-elettriku, u bl-elettriku, rispettivament.