Illum fil-Bajja tal-Għadira f’Malta saret azzjoni simbolika minn 3 organizzazzjonijiet kontra l-ġenoċidju li għaddej f’Gaża. In-nies inġabru biex jitolbu l-waqfien immedjat u permanenti tal-ġlied, u talbu wkoll għat-tmiem ta’ 75 sena kolonizzazzjoni tal-Palestina mill-Iżrael.
Fi stqarrija, L-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, Moviment Graffitti u Youth for Palestine qalu li l-post intgħażel biex jenfasizza kif il-bajjiet tal-Mediterran ta’ Gaża u l-inħawi tagħhom saru l-post ewlieni għall-massakru sistemiku ta’ tfal, nisa u rġiel Palestinjani mill-istat Iżraeljan. Il-bajjiet ramlin huma mimlija oqbra tal-massa fejn it-tfal darba kienu jilagħbu.
L-organizzazzjonijiet spjegaw li matul l-aħħar erba’ xhur, Iżrael ibbumbardja l-inħawi kollha ta’ Gaża, nieda invażjoni tal-art li qatlet kull Palestinjan li sabet quddiemha, u wettaq assedju li qiegħed iwaqqaf il-bżonnijiet bażiċi milli jaslu għandu il-Palestinjani.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) ċaħdet it-talba ta’ Iżrael biex iwaqqaf is-smigħ tal-akkużi ta’ ġenoċidju kontrih. Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll in-natura allarmanti tal-azzjonijiet u dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-Iżrael, u ordnat lill-Iżrael biex iwaqqaf il-qtil tal-Palestinjani u biex itemm l-assedju tiegħu fuq Gaża. Madankollu, l-Iżrael kien diġà ddikjara li mhux se jimxi mad-deċiżjonijiet tal-qrati internazzjonali.
Mis-7 ta’ Ottubru sal-25 ta’ Jannar, ‘il fuq minn 33,000 Palestinjan ġew massakrati mill-Iżraeljani f’Gaża (il-figura tinkludi l-persuni maħsuba mejta taħt it-terrapien), u 60% minnhom huma nisa u tfal. Kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Gaża ġiet spostata bil-forza u qed tissielet biex tgħix f’żoni marsusa u iffullati ħafna.
Anke hemmhekk, il-Palestinjani mhumiex siguri mill-aggressjoni ġenoċidali Iżraeljana. L-Iżraeljani qed jibbumbardjaw u jisparaw fi skejjel, sptarijiet, kampijiet tar-refuġjati, knejjes u moskej, bir-riżultat ta’ kollass kważi totali tas-sistemi tas-saħħa u l-għajnuna.
Barra minn hekk, l-esterminazzjoni tal-Palestinjani qed tiġi eżegwita permezz ta’ imblokk li jwaqqaf l-ikel, l-ilma nadif, il-mediċina u l-għajnuna essenzjali milli jidħlu fil-Medda ta’ Gaża. Bħalissa, in-nies f’Gaża qed imutu bil-ġuħ u mill-mard.
L-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, Moviment Graffitti u Youth for Palestine komplew jgħidu li dak li seħħ f’Gaża fl-aħħar erba’ xhur huwa estrem iżda mhux sorprendenti.


