Edukazzjoni Lokali

Diversi ġenituri jgiddbu lill-Ministru Grima dwar is-sitwazzjoni fl-Iskola Guardian Angel

“Gideb faħxi.”
“[Il-Ministru] jaf kemm tkeċċew tfal? Hemm tfal ilhom barra minn Ġunju tas-sena l-oħra.”
“X’riżorsi huma? Sal-ħdax ta’ filgħodu tkunu ċempiltu lill-ġenituri biex imorru jiġbru lil uliedhom mill-iskola.”
“Ministru u nies kollha ta’ madwaru li qas jafu x’inhu jiġri.”

Kienet din ir-reazzjoni ta’ diversi ġenituri wara li qraw l-artiklu ppublikat tal-midja Laburista dwar l-istqarrija li ħareġ il-Ministeru tal-Edukazzjoni li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru Clifton Grima li tgħid li “l-Ministeru jiċħad b’mod kategoriku li fl-Iskola Guardian Angel hemm nuqqas ta’ riżorsi umani, tant li hemm ir-riżorsi umani kollha meħtieġa.”

Stqarrija li qajmet rabja kbira fost dawk li għandhom uliedhom jattendu f’din l-iskola, immirata għal tfal bejn il-11 u s-16-il sena li jsibu diffikultajiet kbar fl-edukazzjoni.

Ġenitur partikolari qal kif f’4 xhur li binhom dam jattendi din l-iskola spiċċaw għaddew minn martirju sħiħ. B’omm tgħid li tifel partikolari twaqqaf milli jattendi din l-iskola minħabba s-saħħa mentali tiegħu, filwaqt li tfal oħra allegatament spiċċaw isofru minn numru ta’ ġrieħi.