Il-Gvern qata’ qalbu li qatt jista’ jirbaħ il-gwerra kontra t-traffikar tad-droga.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina u x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri, qalu li dalgħodu l-Ministru Jonathan Attard berbaq eluf ta’ ewro minn fondi pubbliċi f’tinda u f’armar fil-qalba tad-distrett elettorali tiegħu biex jitkellem dwar il-pjan tal-Gvern li dawk li jinqabdu b’ammonti kbar ta’ droga jibdew jitqiesu vittmi minflok traffikanti.
Din l-attitudni tal-Ministru Attard tikkonferma li l-Gvern qata’ qalbu li qatt jista’ jirbaħ il-gwerra kontra t-traffikar tad-droga u issa jinsab moħħu biss fil-propaganda.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jaqbilx assolutament li min jinqabad b’500 pillola ecstasy, 200 gramma eroina, 200 gramma kokaina jew nofs kilogramma kannabis jibda jitqies bħala vittma, kif qed jipproponi l-Gvern fil-White Paper dwar ir-riforma fil-qasam tad-droga.
F’pajjiżna hawn kor sħiħ ta’ nies u organizzazzjonijiet li qed jgħidu li l-proposta tal-Gvern hi perikoluża u irresponsabbli.
Il-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ jisma’ dak li qed jgħidu dawk li jaħdmu mal-vittmi tad-droga u se jibqa’ jinsisti li l-Qrati għandu jkollhom dejjem id iebsa mat-traffikanti tad-droga, filwaqt li joffru għajnuna, imħabba u ħniena lill-vittmi tad-droga.
//= $special ?>