Lokali

“Il-Gvern qiegħed kuljum ifalli milli jagħti ħarsien xieraq lill-annimali” – PN

“Dak li qed jiġi ċċirkulat u magħruf permezz tal-midja soċjali fejn qed naraw filmati ta’ moħqrija fuq l-annimali jkomplu jikkonfermaw il-kriżi f’dan il-qasam.”

Kien dan li ħareġ minn staqrrija tax-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali, Janice Chetcuti f’isem il-Partit Nazzjonalista hekk kif il-moħqrija tal-annimali qed tkompli ta’ kuljum tinħass b’mod regolari f’pajjiżna b’episodji li narawhom jiġru ta’ kuljum.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq kif huwa inaċċettabli li l-istaff kollu fl-irwoli varji tagħhom fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, sew jekk huma Uffiċjali u anki carers jew handlers, ma jingħatawx taħriġ kontinwu biex b’hekk kull individwu jkun jista’ jtejjeb xogħlu waqt li jagħti servizz xieraq lill-annimali. Dan apparti wkoll li f’waqtiet, dawn il-ħaddiema ma jkollhomx l-għodda meħtieġa biex jaqdu dmirhom. 

Il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ kull min għandu għal qalbu l-annimali ma jistax jaċċetta aktar moħqrija u nuqqas ta’ għarfien. 

Filwaqt li Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali ilu magħluq minn Awwissu u minħabba f’hekk hawn vojt fil-kura tal-annimali fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, u għal każi ta’ kirurġija kumplessa għall-annimali.

Taħt Gvern Nazzjonalista kien infetaħ iċ-Ċentru San Franġisk li mbagħad sar magħruf bħala l-APH. Fl-aħħar xhur baqa’ ma sar xejn dwar il-wegħda ta’ re-homing centre għall-annimali miġbura. Il-wegħda li jsir ċimiterju għall-annimali, li baqgħet tissemma mill-Gvern minn żmien għal żmien għadha ma saritx. 

Dan filwaqt li issa qed joħroġ aktar fil-beraħ kemm is-settur għandu aktar nuqqasijiet u tbatijiet u huwa fuq kollox għatxan għal investiment xieraq.