Rowen Camilleri
Erba’ konfronti f’żewġ stadiums differenti llum jiftħu l-15-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Kull tim lagħab 14-il logħba s’sissa u t-taqtiegħa għat-tragwardi differenti fosthom l-aktar importanti dak tar-rebħ tal-kampjonat, jidher li se tkun sal-aħħar. Avversarji xi ftit diffiċli għall-ewwel tliet timijiet fil-klassifika b’Ħamrun, Floriana u Sliema se jkunu qed jaffrontaw lil Naxxar, Birkirkara u Valletta rispettivament.
Birkirkara vs Floriana | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
L-aktar konfront li jidher interessanti fuq il-karta minn din l-15-il ġurnata tal-Kampjonat Premier bla dubju li huwa dak tal-lum bejn Birkirkara u Floriana. Minkejja li l-Istripes f’dawn l-aħħar żewġ logħbiet naqqsu milli jirbħu u saħansistra anke tilfu kontra Santa Lucia, xorta waħda għandhom skwadra b’saħħitha li fil-ġurnata tista’ tissorprendi. L-aħħar impenn ta’ Birkirkara kien kontra Sliema Wanderers u meta wieħed iqis il-forma li jinsab fiha t-tim Slimiż u l-mod tajjeb li qed imexxi lill-Blues Paul Zammit, kien punt tajjeb għal Birkirkara li issa jaffrontaw lil Floriana. Il-Greens fl-aħħar konfront wettqu reazzjoni mit-telfa kontra Gżira u b’wirja tajba għelbu lil Santa Lucia biex baqgħu tliet punti taħt il-leaders Ħamrun Spartans. Mauro Camoranesi żgur li se jkun qed jinżel biex jieħu xejn inqas minn tliet punti minn dan il-konfront fejn għad-dispożizzjoni tiegħu, wara l-akkwisti li saru fil-ġimgħat li għaddew, għandu wkoll lill-attakkant Grieg ta’ 29 sena Christos Rovas, li fil-passat ħadem ma’ Camoranesi fl-Islovenja ma’ Tabor Sezana. Dan jagħti aktar għażla lill-kowċ ta’ Floriana fl-offensiva wara l-akkwist ta’ Jake Grech, li fid-debutt tiegħu mill-ewwel kien effettiv fejn anke kien viċin li jiskorja. Fl-ewwel round, f’Settembru li għadda Floriana għelbu lil Birkirkara 2-0.
Valletta vs Sliema Wanderers | Illum, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Mument pożittiv għal Valletta b’żewġ rebħiet mill-aħħar tnejn, bit-tim Belti jinqala’ miż-żona l-ħamra iżda b’differenza biss ta’ tliet punti. Minkejja li lagħbu kontra l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, l-iskwadra mmexxija minn Enzo Potenza dehret aktar konvinċenti f’kull dipartiment u minbarra li skorjaw 6 gowls, f’żewġ logħbiet ma sofrew l-ebda gowl. L-avversarji ta’ din il-ġimgħa iżda huma storja differenti minn l-aħħar tnejn li kellhom Valletta hekk kif se jkunu qed jilagħbu ma tim tajjeb ħafna, Sliema Wanderers. Sliema ġejjin minn draw missielet kontra Birkirkara wara serje ta’ ħames rebħiet fil-kampjonat u se jkunu qed ifittxu li jerġgħu jirritornaw għar-rebħ biex iżommu d-distakk minn Marsaxlokk li qedin taħthom, filwaqt li jżommu l-pass ma’ Floriana, li jinsabu fit-tieni post tliet punti biss fuqhom. Minkejja li fuq il-karta Sliema jibdew favoriti, il-moral tal-Beltin jinsab għoli filwaqt li jinsabu konxji li rebħa minn dan il-konfront ikun qed jibgħat messaġġ li Valletta tjiebu u l-akkwisti li għamlu din id-darba ffunzjonaw tajjeb. Gowl ta’ Vito Plut ta rebħa ta’ 1-0 lil Sliema kontra Valletta fl-ewwel round.
Marsaxlokk vs Gudja United | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Tliet riżultati ta’ draw infila għat-tim immexxi minn Winston Muscat li issa tilef xi ftit il-vantaġġ ta’ punti li kellu fir-raba’ post u ma jaffordjax jitlef iżjed għax din il-ġimgħa jista jinżel l-isfel fil-klassifika. Huwa fatt li l-avversarji, Gudja huma l-uniċi bla rebħa f’dan il-kampjonat iżda xi drabi kienu anke sfortunati u jistgħu xorta jisirqu l-punti f’din il-logħba. Iż-żewġ timijiet wettqu numru ta’ akkwisti bit-tama li jsaħħu l-iskwarda għall-aħħar parti tal-istaġun b’Gudja anke jaħtru lil Ramon Zammit bħala assistent tal-kowċ Renzo-Kerr Cumbo. Tragwardi differenti bla dubju għal dawn iż-żewġ timijiet b’Marsaxlokk se jkunu qed jipprovaw jirritornaw jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea wara nuqqas ta’ 16-il sena filwaqt li Gudja, għalkemm jidher li se tkun diffiċli, se jkunu qed jpprovaw iżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti. Fl-ewwel round dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Mosta vs Sirens | Illum, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika bejn Mosta u Sirens, bil-Mostin fl-aħħar konfront jieħdu xi ftit tan-nifs b’rebħa fuq Gudja filwaqt li Sirens, reġgħu tilfu u bħal Gudja jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika b’6 punti. Rebħa għal Mosta hija importanti ħafna hekk kif din tista’ ttellagħhom saħansitra sat-8 post biż-żewġ timijiet ta’ fuqhom, Valletta u Balzan se jkunu qed jaffaċċjaw avversarji diifiċli fi tmiem il-ġimgħa. Sirens ma żiedu l-ebda plejer waqt il-kampanja akkwisti ta’ Jannar u jidher li issa rassenjati li jkunu relegati hekk kif aktr ma jgħaddi żmien aktar din ir-relegazzjoni qeda tidher fil-qrib. Gowl ta’ Jonathan Perea Hinestroza salva punt għal Sirens kontra Mosta fl-ewwel round.
Santa Lucia vs Hibernians | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Wara żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat, il-ġimgħa li għaddiet Santa Lucia ma setgħux jegħlbu l-għadma iebsa ta’ Floriana li għelbuhom 2-0 bis-Saints jerġgħu jinżlu fit-12-il post. Santa Lucia se jkun wieħed mit-timijiet li bla dubju se jkun qed joffri sfida fit-taqtiegħa għal post fil-Premier iżda din il-ġimgħa quddiemhom għandhom avversarju diffiċli dak ta’ Hibernians f’dik li ħafna jsejħulha d-Derby tan-Nofsinhar. Fl-aħħar jiem Santa Lucia akkwistaw lil plejer ta’ esperjenza Gabriel Mensah li fl-ewwel parti tal-istaġun kien jifforma parti mill-iskwadra ta’ Gudja United. Hibernians fl-aħħar ħarġa kisbu rebħa drammatika fl-aħħar minuti permezz ta’ gowl taż-żgħażugħ Lucas Caruana, biex issa, wara li anke tilfu l-protest imressaq fil-konfront tal-plejer ta’ Ħamrun Christian Rutjens, jinsabu fil-ħames post bl-istess punti daqs Naxxar u Birkirkara. L-aktar akkwist riċenti li għamlu Hibernians kien il-Brażiljan Higor Gabriel li se jkun qed jagħti aktar għażla lil Branko Nisevic fid-difiża. Fl-ewwel round, f’partita mill-isbaħ, Hibernians għelbu lil Santa Lucia 3-2.
Ħamrun Spartans vs Naxxar Lions | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Wara kważi ġimgħa ta’ stennija, ilbieraħ Ħamrun Spartans ingħataw l-aħbar li l-protest imressaq fil-konfront tagħhom dwar l-allegat ineleġibiltà tal-plejer Christian Rutjens fil-partita kontra Hibernians, ma ntlaqax u għalhekk jinżlu għal-logħob fl-15-il ġurnata bi tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali Floriana. Ħamrun fl-aħħar ħarġa taw wirja mill-aqwa fejn wara li marru 1-0 minn taħt wara biss 9 minuti, spiċċaw biex rebħu l-partita 7-1. Għal dan il-konfront issa bla dubju li Zauri se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu lil Christian Rutjens li b’Elionay Freitas li jinsab sospiż il-possibiltà hi li Emerson Marcelina jmur f’nofs il-ground u Rutjens jew Bjelicic jingħaqdu ma’ Steve Borg fid-difiża. Possibiltà oħra iżda hija li Joseph Mbong jieħu post Freitas f’nofs il-ground, xi ħaġa li rajniha fl-aħħar kwarta kontra Balzan. Naxxar Lions ġejjin minn żewġ riżultati ta’ draw kontra Mosta u Marsaxlokk rispettivament bla dubju li konxji mill-qawwa tal-avversarji jridu jkunu mija fil mija kkonċentrati tul id-90 minuta. Fl-aħħar konfront kontra Marsaxlokk kienet determinanti l-wirja tal-goalkeeper misluf mingħand l-istess Ħamrun Matthias Debono li wettaq saves importanti għat-tim tiegħu u Naxxar jittamaw li Debono jkun fl-istess forma kontra t-tim li tiegħu hu prodott. Fl-ewwel round Ħamrun rebħu faċilment 4-0.
Gżira United vs Balzan | Għada, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
L-aħħar konfront mill-15-il ġurnata tal-kampjonat BOV Premier huwa dak bejn Gżira United u Balzan, konfront li għandu jkun wieħed interessanti hekk kif s’issa dawn iż-żewġ timijiet urew li ftit hemm differenza bejniethom. Fil-klassifika Balzan jinsabu erba’ punti fuq Gżira, b’dawn tal-aħħar jinsabu fiż-żona l-ħamra. Il-moral taż-żewġ timijiet mhux għall-altezza bi Gżira fl-aħħar konfront jitilfu fl-aħħar minuti kontra Hibernans filwaqt li t-tim immexxi minn Oliver Spiteri jitlef bi skor kbir ta’ 7-1 kontra Ħamrun. Balzan se jkollhom nieqes lil Samir Arab li se jkun qed jiskonta sospensjoni hekk kif għaqqad erba’ karti sofor. Balzan rebħu l-ewwel konfront kontra Gżira 1-0 b’gowl ta’ Leonardo Da Silva de Souza.
//= $special ?>