Lokali

Konfermat fil-Qorti li l-mobile ta’ Keith Schembri qatt ma kien mitluf

Il-mobile ta’ Keith Schembri, li sal-ġimgħa kien qed jingħad li huwa mitluf, instab fil-basket tal-evidenza fil-Qorti – issiġillat u fl-istess kundizzjoni li ħallieh l-espert tal-Qorti meta ttieħed id-data minnu.

Dan ħareġ wara li l-Imħallef Mark Simiana żar l-istrong room tal-Qorti sabiex ifittex il-mobile ta’ Schembri – fejn instab, fil-preżenza ta’ l-avukati tad-difiża u l-prosekuzzjoni, ir-reġistratur tal-Qorti u l-espert Martin Bajada.

L-evidenza kienet ttieħditila ritratti fil-borża griża li nstabet fiha, fejn l-espert Martin Bajada kien sabhom lura meta mar jieħu l-istess mobile biex iwettaq xogħol li ordnatlu l-Qorti fil-każ kriminali ta’ Yorgen Fenech.

Kien hawnhekk li Bajada kien fetaħ il-borża u neħħa kaxxa bajda li fiha kien hemm l-apparat elettroniku kollu ta’ Keith Schembri, ħlief għal kompjuter goff li kien imqiegħed separat f’borża oħra. L-espert irrimarka illi l-kaxxa l-bajda li kien fiha l-apparat elettroniku, kienet ssiġillata bit-tape iżda ma kienx hu li ssiġillaha.

Minkejja dan, wara li tneħħa t-tape, l-espert ikkonferma illi l-lista tal-evidenza li kienet mwaħħla mal-kaxxa, u li kien kiteb u poġġa hu stess kienet hemm, ma’ wrapping ta’ stretch and seal.

Waqt it-tfittxija Bajada spjega li meta kien ħadem fuq il-mobile, kien qata’ fuq ix-xifer t’isfel tal-borża tal-evidenza, fejn wara li ġabar l-evidenza illi kellu bżonn biddel ix-xifer maqtugħ u reġa’ ssiġilla l-borża – kien dan l-istess mod illi instabet l-evidenza waqt it-tfittxija.

Bir-reġistratur tal-Qorti l-avukat Franklin Calleja jippreżenta żewġ ritratti li kienu ttieħdu lura meta l-evidenza kienet fdata lilu, fejn ippreżenta ukoll żewġ dokumenti tal-movimenti kollha tal-evidenza – illi kienet magħluqa f’borża tar-riċiklaġġ. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, Imħallef irrevoka l-projbizzjoni li biha kien ordna li ħadd ma kellu jmiss il-mobile sakemm jingħataw ordnijiet diretti mill-Qorti Kostituzzjoniali.

Din it-tfittxija saret fid-dawl tal-fatt li meta l-avukati ta’ Yorgen Fenech, talbu l-informazzjoni kollha li kien hemm fuq il-mobile ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat….l-evidenza instabet differenti minn kif kienet tħalliet mill-espert Bajada, u għalhekk l-Qorti ordnat li ħadd ma għandu jmiss il-mobile sakemm tingħata direzzjoni oħra.

U issa, ġie konferma li l-mobile ta’ Schembri inżamm fl-istess kundizzjoni.